Wara r-rapporti tal-ILLUM il-PN jitlob għal studju dwar l-iżolament fil-ħabs

L-ILLUM tkellmet dwar l-effetti li l-iżolament jista' jkollu fuq il-priġunieri u anke intervistat eks priġunier li esperjenza din iċ-ċella

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi li jsir studji dwar l-iżolament fil-ħabs u l-effett li dan jista’ jkollu fuq il-priġunieri, filwaqt li l-Partit Laburista qal li lest jiddiskuti din il-kwistjoni.

Qalu dan kelliema għaż-żewġ partiti meta mistoqsija minn Lovin Malta dwar x’inhi l-pożizzjoni tagħhom fuq l-iżolament fil-ħabs.

Dan wara rapport fuq il-gazzetta ILLUM li tkellem dwar iċ-ċella tal-iżolament u l-effetti tagħha fuq il-priġunieri u anke intervista ma’ eks priġunier li esperjenza din iċ-ċella.

Kelliem għall-Partit Nazzjonalista insista li għandu jkun hemm protokol ċar li jassigura li s-saħħa tal-priġunieri, fosthom is-saħħa mentali tagħhom, ma tkunx mhedda.

Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li jkun hemm studji dwar f’liema ċirkostanzi l-priġunieri qed jitpoġġew f’din iċ-ċella, jekk hemmx protokol li l-ħabs jimxi miegħu, jekk l-iżolament jgħinx vera biex il-ħabs ikun faċilità korrettiva u l-effetti tal-iżolament fuq is-saħħa tal-priġunier.

Intant, il-Partit Laburista, meta mistoqsi mill-istess sit, saħaq li r-Regolamenti tal-Ħabs f’Malta huma skont l-istandards kollha stabbiliti mill-Kunsill tal-Ewropa u li l-iżolament f’Malta huwa użat biss f’każi eċċezzjonali.

Insista li hemm biss tliet sentenzi li jinkludu l-iżolament u fit-tliet każi, il-priġunieri kienu misjuba ħatja ta’ qtil.

Madanakollu, il-Parit Laburista saħaq li huwa miftuħ għal dibattitu dwar jekk l-iżolament fil-ħabs għandux ikun abolit.

X’irrapportat il-gazzetta ILLUM?

Il-gazzetta ILLUM analizzat id-dokument ippubblikat mid-Dekan Andrew Azzopardi. Fih huwa qed jappella illi tkun abolita l-prattika tal-iżolament fil-ħabs primarjament minħabba l-effetti negattivi psikoloġiċi fuq il-persuni li jgħaddu minn din l-eperjenza kif ukoll minħabba li l-miżura mhix effettiva għall-għan ta’ faċilità korrettiva.

Intant din il-gazzetta kellmet ukoll lil Charles Mifsud, Chairperson tal-Fondazzjoni Rise u George Busuttil mill-għaqda li tgħin lill-priġunieri; Mid-Dlam għad-Dawl.

Dawn it-tnejn qablu li mhux neċessarjament għandha tkun abolita din il-prattika, għalkemm jinsistu li din għandha tkun kastig fiha nnifisha u allura l-Qorti m’għandhiex tordna l-iżolament u lanqas għandha persuna li tkun f’iżolament tintbagħat il-Qorti fuq l-istess każ.

L-ILLUM titkellem ukoll ma’ priġunier li esperjenza l-iżolament

“Tħossok qiegħed waħdek, minsi minn kulħadd. Ċella apparti, mingħajr ventilaturi, toilets huma tal-ġebel u biex tiflaxxja trid timla barmil, u ilma bla pressa. Lanqas sal-librerija ma jħalluk tmur. Fix-showers m’hemmx biżżejjed misħun għal kulħadd u post mudlam. Waħdek u m’għandekx x’tagħmel ħlief torqod. Kemm toħroġ filgħodu għall-fall in biex jaraw li ħadd ma ħarab u lura fiċ-ċella,” hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM eks priġunier li esperjenza l-iżolament fil-ħabs.

L-eks-priġunier qal li mhu minnu xejn li jsiru testijiet qabel jitpoġġew fl-iżolament, anzi sostna mal-ILLUM illi wara li jispiċċa l-perjodu legali ta’ iżolament li skont il-liġi Maltija hija massimu ta’ 10 ijiem, ċerti priġunieri ġieli jintbagħtu f’Division 13 bħala kastig mill-ġdid.

More in Politika