Puli jħabbar xahar sħiħ ta' attivitajiet inkluż Mass Meeting barra d-Dar Ċentrali

Puli jisħaq li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza se jkunu qed jiswew lill-PN 75% inqas minn kemm kienu jqumu fuq il-Fosos tal-Furjana

Ritratt: James Bianchi
Ritratt: James Bianchi

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli ħabbar il-programm taċ-ċelebrazzjonijiet tal-55 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza.

Puli saħaq li ċ-ċelebrazzjonijet se jkunu qed isiru fuq kważi perjodu ta’ xahar fejn se jibdew illejla u jilħqu l-qofol tagħhom bil-Mass Meeting indirizzat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Il-Mass Meeting se jkun qed isir nhar l-20 ta’ Settembru, b'Puli jisħaq li dan se jsir barra d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Puli saħaq li d-deċiżjoni li ċ-ċelebrazzjonijiet jimxu minn fuq il-Fosos kienet waħda ta’ “għaqal u responsabbilità,” li filwaqt li ma tkomplix iżżid il-piżijiet finanzjarji li għandu l-PN, fl-istess ħin tkun qed tiċċelebra dak li kiseb in-nazzjon.

Fil-fat, skont Puli, l-ispejjeż marbuta ma' dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jkunu qed jonqsu b'75%.

Is-Segretarju Ġenerali saħaq li l-PN ħejja attivitajiet f’kull distrett elettorali li se jkunu jinkludu diskussjonijiet politiċi, storiċi, wirjiet u anke l-Konkors Kanzunetta Indipendenza.

Filwaqt li tkellem dwar il-fatt li l-Indipenenza kienet importanti biex Malta żvillupat f’pajjiż sovran u demokratiku li ħoloq ekonomija b’saħħitha, insista li llum il-pajjiż qed jiffaċċja sfidi ġodda.

Insista li l-pajjiż ikun qed jitlef l-identità tiegħu jekk jeqred is-sens tal-istorja tiegħu, inkluż l-ambjent kulturali u ambjentali u anke jekk ma jikkurax is-sens ta’ komunità.

Saħaq li llum, aktar minn qabel, il-pajjiż jeħtieġ pjan fit-tul u sostennibli waqt li insista li l-mudell ekonomiku tal-Gvern qed iwassal għal ħsara, fosthom dik ambjentali, waqt li tkellem fuq il-qerda tas-siġar, l-iskart tal-kostruzzjoni, it-tkasbir tal-biedja, iż-żieda tal-karozzi minflok sistema effiċjenti u nadifa u n-nuqqas ta’ spazji miftuħa.

Kompla jinsisti li tul dawn il-festi tal-Indipendenza, waqt li jiċċelebra dak li kiseb il-pajjiż, il-PN irid iħares ‘il quddiem u għalhekk se jkun qed jiddiskuti dawn l-isfidi wkoll.

"In-nies għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox. Irridu ekonomija għan-nies u mhux in-nies għall-ekonomija," saħaq is-Segretarju Ġenerali. Żied jgħid li l-istatistiċi dwar il-faqar u anke n-nuqqas ta' żvilupp fis-settur tal-housing soċjali huma prova kemm il-ġustizzja soċjali mhijiex priorità għal dan il-Gvern.

Waqt li tenna li waħda mill-akbar kisbiet tal-Indipendenza tibqa' d-demokrazija, Puli saħaq li l-PN irid li din tkun waħda li tiffunzjona fejn jaħdmu l-istituzzjonijiet tagħha. Kien hawn li tenna li r-reputazzjoni tal-pajjiż “sejra l-baħar.”

Puli, akkumpanjat mill-Whip Robert Cutajar u l-Koordinatur Politiku Jean Pierre Debono, insista li apparti l-festa tal-Indipendenza il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem fuq id-dokument ta’ qabel il-Baġit, li fi kliemu, ħadmu fuqu d-Deputati kollha.

Qal ukoll li għaddejja ħidma fuq il-Kunsill Ġenerali li se jkun qed isejjaħ fil-ġimgħat li ġejjin u anke fuq id-dokument ta’ qabel il-Baġit, li fi kliemu, ħadmu fuqu d-Deputati kollha.

More in Politika