Il-Gvern jipproponi li kull min isuq l-e-kick scooters għandu jkollu liċenzja tas-sewqan

Konsultazzjoni pubblika dwar regoli ġodda għall-użu ta' scooters, skateboards, e-kick scooters u hoverboards fit-toroq

Il-Gvern se jkun qed jirregola l-użu ta’ vetturi żgħar li jinkludu scooters, skateboards, e-kick scooters u hoverboards.

Ħabbar dan dalgħodu l-Ministru għat-Trasport Ian Borg, fl-uffiċini ta' Transport Malta, waqt li nieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-proposti tal-Gvern għar-regolarizzazzjoni ta’ dawn il-vetturi, b’mod partikolari l-kickscooters elettroniċi.

Fost dawn, il-Gvern qiegħed jipproponi li:

  • L-e-kick scooters kollha għandhom ikunu assigurati
  • Kull sewwieq tal-e-kick scooters għandu jkollu liċenzja tas-sewqan
  • Kull e-kick scooters għandu jkollu d-dawl quddiem u wara
  • Il-veloċità massima tal-e-kick scooters ma għandhiex taqbeż l-10 kilometri fis-siegħa fil-postijiet fejn ikun hemm in-nies u 20 kilometru fis-siegħa fit-toroq.
  • L-e-kick scooters ma jistgħux jinstaqu taħt il-mini u lanqas f’toroq alterjali

Il-Ministru Borg qal li nħass il-bżonn li dawn jiġu rregolati fosthom minħabba l-fatt li l-e-kick scooters jistgħu jħallqu l-veloċità tal-40 kilometru fis-siegħa. 

Huwa aċċenna għall-fatt li dan il-mezz tal-e-kick scooters kien kemmxejn kontroversjali madwar id-dinja, b’pajjiżi li ħallewh jidħol mingħajr regolazzjoni ta’ xejn u oħrajn li lanqas biss ħallewh jidħol fil-pajjiż.

“Aħna qegħdin naħdmu biex nilħqu bilanċ importanti, bilanċ li jpoġġi l-ewwel u qabel kollox is-sigurtà ta’ dawk li jużaw dan il-mezz kif ukoll oħrajn li jaqsmu l-ispazju magħhom, b’mod speċjali nies aktar vulnerabbli bħal dawk li jkunu qegħdin jimxu. Dan il-mezz ta’ trasport jidher li diġà huwa popolari ferm maż-żgħażagħ u ħassejna li għandna nirregolawh u nagħtu ċans biex mezz ieħor li huwa żgħir u sostenibbli jkun jista’ jifforma parti mill-bidla fil-kultura tat-trasport li qegħdin naħdmu qatigħ għaliha," qal il-Ministru. 

Waqt li tkellem fuq il-bżonn tas-sigurtà, il-Ministru qal ukoll li l-Gvern jibqa’ intiż li jinċentiża lin-nies biex jużaw inqas il-karozza privata tagħhom waqt li fakkar kif 30,000 student u studena li għandhom bejn l-14 u l-20 sena qed jagħmlu użu b’xejn mit-trasport pubbliku u li qed jiżdiedu l-passiġġiera li jużaw is-servizz tal-lanċa fil-portijiet.

“Se nkomplu naħdmu favur aktar bidliet pożittivi, favur aktar sostennibilità u toroq aktar effiċjenti u siguri. Dan se nkomplu nagħmluh filwaqt li nikkunsidraw ir-realtajiet ta’ pajjiżna biex il-viżjoni tagħna tiġi implimentata b’mod ħolistiku favur kwalità tal-ħajja aħjar. Inħares ‘il quddiem biex nilqgħu l-opinjonijiet u l-ħsibijiet tal-pubbliku u tal-istakeholders dwar dan il-mezz ta’ trasport ġdid”, temm jgħid Ian Borg.

More in Politika