Pjanijiet sabiex tintensifika l-ġlieda kontra d-doping fl-isport

Fid-dawl ta’ diversi stejjer li żvelat l-ILLUM, Clifton Grima jiżvela l-pjanijiet ta’ entità ġdida li tgħasses l-integrità sporti

F’kummenti li ta lil din il-gazzetta b’reazzjoni għall-istejjer li żvelat l-ILLUM dwar il-produzzjoni illegali ta’ steroids f’Malta, is-Segretarju Parlemantari Clifton Grima saħaq li fil-futur qrib se titwaqqaf entità ġdida bl-għan li tikkumbatti d-doping u l-korruzzjoni fl-isport.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima spjega fid-dettall il-ħsieb tal-Gvern sabiex jgħasses id-dinja sportiva lokali.

“F’pajjiżna l-isport dejjem tqies bħala passatemp u wasal iż-żmien li nimxu fit-triq li mxew pajjiżi oħra. M’hemmx bżonn li nivvintaw ir-rota mill-ġdid, iżda jeħtieġ li nkunu aktar professjonali. Hemm bżonn li jkollna regolament li jkunu aktar ċari u aktar magħrufa mal-isportivi tagħna,” beda biex jgħid Grima.

Mal-ILLUM huwa jiżvela li fix-xhur li ġejjin se tiġi mwaqqfa entità li tiġġieled il-korruzzjoni fl-isport u doping. “Il-korruzjoni sportiva mhix il-manipulazzjoni tal-logħob iżda anke d-doping.

Jekk atleta jieħu sustanzi illeċiti li jgħinuh għall-prestazzjoni aħjar u li finalment tbiddel ir-riżultat dik ukoll hi forma ta’ korruzzjoni,” sostna s-Segretarju Parlamentari.

Grima kompla jispjega li fil-liġi tal-korruzzjoni, li l-Gvern fassal fl-2017, hemm proviżjoni ċara li tagħti setgħa li tiġi mwaqqfa pjattaforma li tħares lejn l-integrità tal-isport.

“Irridu nimxu ’l quddiem sabiex ikollna qafas leġislattiv li jagħtina l-għodda kollha neċessarja sabiex bħala pajjiż inħarsu l-isport kemm mill-att ta’ integrità marbuta mal-korruzzjoni u anke mill-att ta’ integrità marbuta mad-doping tal-isport.”

Żied jgħid li biex dawn il-bidliet jiġu attwati jeħtieġ iż-żmien, iżda li x-xogħol riċenti tas-Segretarjat fit-tfassil ta’ liġijiet oħra huwa xhieda li dan jista’ jsir. “Il-liġi tal-korruzzjoni kienet ilha hemmhekk mill-1976 biddilnieha u ftit żmien ieħor se jkollna entità li tkun tista' tikkumbatti dan.”

Fuq il-problema wiesgħa tal-użu ta’ steroids, Grima qal li tinkwetah fuq livell nazzjonali iżda l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sport fuq livell ta’ amatuer. “L-atleti professjonali jew semi-professjonali huma regolati u jridu jsegwu ċertu standards, u allura għandhom tfakkira kontinwa biex iżommu ’l bogħod minn dawn l-affarijiet,” beda biex jispjega Grima.

“Min-naħa l-oħra iżda,” kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari, m’hemmx regolamenti għall-atleti amateurs u allura dilettant jaf iħares biss lejn il-kisbiet estetiċi jew ta’ prestazzjoni f’qasir żmien.”

Fuq din, huwa sostna li hemm bżonn kampanja edukattiva għaliex skontu ħafna drabi l-utenti ma jkunux jafu x’qed jibilgħu u ma jkollhom l-ebda idea dwar l-effetti negattivi li jġorru magħhom dawn id-drogi.

Fl-aħħar nett huwa ħeġġeġ lill-ġenituri sabiex jkunu aktar kawti f’liema postijiet jibagħtu t-tfal tagħhom jitħarrġu. “Huwa importanti li l-ġenituri jaraw li l-instructor ikun veru kkwalifikat u mhux wieħed li jikkwalifika lili nnifsu, it-tfal huma l-aktar vulnerabbli,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.

Xi żvelat l-ILLUM?

Bħal-lum ġimgħa, din il-gazzetta kompliet tiżvela dettalji dwar il-produzzjoni illegali ta’ steroids anaboliċi f’Malta. Sorsi viċin din l-industrija illegali żvelaw mal-ILLUM dettalji ġodda u esklussivi dwar il-produzzjoni metikoluża tal-isteroids illegali li jinbiegħu forma ta’ pilloli.

Jidher li dawn il-pilloli li qed jiġu mmanifatturati b’mod illegali huma: Dina-balls, Stanazolol u Anavar. Il-proċess jibda billi l-isteroids jaslu f’Malta forma ta’ trab. Dawk l-isteroids li jkunu se jiġu injettati jitħalltu maż-żejt u jissaħħnu f’temperatura partikolari. It-taħlita tiġi mxarrba b’binder li jgħaqqadha flimkien. Wara dan il-pass, it-taħlita tidħol ġo magna li fiha tifforma l-pirmla.

L-ILLUM żvelat wkoll li l-produzzjoni ta’ kull pillola finalment, tiġi tiswa bejn 2ċ jew 3ċ. Dawn finalment jinbiegħu għal 40ċ jew 50ċ u jinbiegħu f’pakketti ta’ 100 pillola għal €40 jew €50.

Ta’ min jinnota li din il-magna hi l-istess waħda li biha jiġu mmanifatturati l-pilloli tal-ecstasy. Il-magna qed tinxtara minn ċertu siti fuq l-internet u tintbagħat f’Malta f’erba’ partijiet separati.

Dan kien it-tieni rapport fis-sensiela investigattiva hekk kif tliet ġimgħat ilu din il-gazzetta bdiet tiżvela l-operazzjoni ta’ diversi laboratorji illegali li qed jimmanifatturaw is-Sustanon, Nandrolone Decatonate, Trenbolone Acetate u Testosterona Cyponate.

Dawn qed jiġu mmanifatturati f’laboratorji illegali u mibjugħa f’dożi ta’ 10ml għall-prezz ta’ €35. Dawn tal-aħħar huma differenti għaliex minflok jinbelgħu jiġu injettati direttament ġol-muskoli.

More in Politika