Repubblika titlob investigazzjoni dwar flejjes li allegatament tħallsu mill-MFSA lil uffiċjal tagħha

Repubblika ressqet din it-talba b'mod formali quddiem l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika

L-attivisti fi ħdan il-grupp Repubblika tablu formalment lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika biex jinvestiga rapporti li dehru fl-aħħar jiem dwar uffiċjal fi ħdan l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).

Ir-rapport, li deher fuq The Times of Malta kien jgħid li uffiċjal fi ħdan l-MFSA, li kien id-direttur tal-HR, ingħata pakkett ta’ aktar minn €150,000 għall-irtirar kmieni, meta sa ġimgħa wara ġie impjegat, bl-istess kariga u bl-istess xogħol iżda b’responsabbilitajiet inqas mal-Aġenzija għar-Reġistrar tal-Kumpaniji.

Sa ftit ilu, l-istess Reġistru kien parti mill-istess MFSA.

Għalhekk, Repubblika kitbet lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika biex tisħaq li:

  • Il-flejjes li tħallsu sabiex l-uffiċjal jieħu l-early retirement ġejjin minn fondi pubbliċi;
  •  Impjegati oħra tal-istess MFSA li kienu jaħdmu fir-Registry of Companies kienu sempliċement trasferiti fuq il-kotba tal-Agenzja l-ġdida bl-istess responsabbilitajiet, filwaqt li lis-Sur Spiteri naqqsulu qatigħ ir-responsabbilitajiet tiegħu; u
  • Minn meta inbiddlet it-tmexxija tal-MFSA s-sena li għaddiet, l-MFSA ħallset iktar minn miljun Ewro (€1,000,000) bejn għaxar persuni biss u li iżda ħadd minnhom ma kien impjegat mill-ġdid ma’ xi entità kif ġara b’dan l-uffiċjal.

Repubblika saħqet li lesta tgħid lin-NAO billi tipprovdi aktar dettalji waqt li talbet l-istess uffiċċju biex formalment jibda investigazzjoni fuq ir-rapport.

More in Politika