Central Link: kontra l-proġett... imma familtu qed tagħmel l-eluf minnu

Kontra l-proġett tas-Central Link bil-kbir. Imma l-familja tiegħu qed tikri l-villa tagħha lill-kuntratturi tal-istess proġett għal eluf fix-xahar

Il-villa li qed tinkera lill-kuntratturi
Il-villa li qed tinkera lill-kuntratturi

Il-familja ta’ Steven Pace, il-persuna li waqqfet l-Attard Residents Environment Network (AREN) u wieħed mill-persuni li qegħdin jopponu l-proġett tas-Central Link bil-qawwi, allegatament qed tgawdi minn dan il-proġett.

Dan hekk kif jidher li qed tikri l-villa tagħha f’Ħ’Attard lill-kuntratturi ta’ dan il-proġett, biex tintuża bħala site office.

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM spjegaw kif minn ftit żmien ilu biss, il-familja ta’ Pace allegatament bdiet taqla’ l-eluf ta’ ewro mill-kera ta’ din il-villa fi Triq Oliver Agius f’Ħ’Attard lill-kumpaniji tal-kostruzzjoni f’dan il-proġett li Pace tant qed jopponi.

Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li l-pagamenti huma madwar €4,000 fix-xahar. Tinsab infurmata wkoll illi l-kuntratturi ilhom numru ta’ xhur jużaw din il-proprjetà bħala uffiċċju tagħhom.

Eluf f’kirja tal-villa kull xahar lill-kuntratturi tas-Central Link

Pace qed jopponi dan il-proġett bħala resident ta’ Ħ’Attard. Fil-fatt din il-villa tal-familja ta’ Pace tinsab fuq in-naħa ta’ barra ta’ Ħ’Attard fejn se tinbena waħda mit-toroq marbutin mal-proġett tas-Central Link.

Pace, fil-fatt jgħix Għawdex fejn huwa membru tal-Kumitat tal-Partit Nazzjonalista ta’ Kerċem. Sorsi qalu lil din il-gazzetta li Pace saħansitra jmexxi l-bar tal-każin tal-PN.

Dan is-sit ċempel lil Pace biex tistaqsih jekk iħossx li din l-informazzjoni tpoġġihx f’qagħda ta’ żvantaġġ biex jopponi l-proġett. L-ILLUM xtaqet ukoll tippreċiża ma’ Pace jekk hux direttament hu qed jirċievi l-ħlas tal-kera jew le. Sfortunatament Pace beda biss jistaqsi min ta lis-sit in-numru tiegħu ripettutament sakemm qata’ l-linja qabel il-gazzetta kellha ċans tistaqsi.

Steven Pace qed imexxi, flimkien ma’ numru ieħor ta’ nies, l-oppożizzjoni kontra l-proġett tas-Central Link, minħabba li dan se jwassal biex tittieħed art agrikola u jitqaċċtu siġar minħabba twessigħ ta’ toroq.

Infrastructure Malta sostniet diversi drabi illi mhux talli mhux se jitħawlu lura ħafna mis-siġar, talli se jitħawlu iktar siġar milli se jinqalgħu.

More in Politika