'Iż-żejjed kollu żejjed' kontra l-qerda tal-ambjent ifakkru diversi NGOs

Ġimgħa qabel ma jinżlu fit-toroq tal-Belt Valletta diversi għaqdiet ifakkru illi qed jesiġu bidla fil-politika tal-kostruzzjoni u aktar protezzjoni ambjentali

Il-kelliema dalgħodu
Il-kelliema dalgħodu

Ġimgħa qabel ma ssir il-protesta ambjentali 'Iż-żejjed kollu żejjed,' diversi għaqdiet li se jkunu qed jipprateċipaw qalu illi se jesiġu bidla fil-politika tal-kostruzzjoni ta' pajjiżna filwaqt li jsejħu wkoll għal aktar protezzjoni ambjentali. 

Nhar is-Sibt li ġej, koalizzjoni ta' għaqdiet mhux governattivi se jipprotestaw għal dak li qed isejħu bħala nuqqas ta' protezzjoni ambjentali u nuqqas ta' politika fir-rigward tal-kostruzzjoni. 

Dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Parlament, l-għaqdiet infurmaw lill-midja fuq kwistjonijiet li dwarhom se ssir din id-dimostrazzjoni fil-kapitali tal-pajjiż. 

Dawk li se jipprotestaw se jkunu qed jesiġu sitt punti mingħand l-awtoritajiet: bidla fil-politika tal-ippjanar, moratorju fuq proġetti ta' skala kbira sakemm ikun introdott pjan komprensiv, ir-ristrutturar tal-bords tal-awotirtà responsabbli mill-ippjanar u l-ambjent, ir-rikonsiderazzjoni ta' proġetti ta' twessigħ ta' toroq u l-ipprijoritizzar tas-saħħa tal-poplu. 

 Louis Fenech minn Flimkien għal Ambjent Aħjar, qal illi bħalissa l-pajjiż qed jara l-kollass totali tar-regoli magħmulin biex ikun protett iċ-ċittadin komuni. "Għan-negozju kollox qed isir, imma mbagħad meta niġu għal politika dwar il-pompi tal-petrol, pereżempju, ilha tiġġebbed għal aktar minn sentejn." 

Paul Vella, raġel li kellu lil ommu maqtula meta binja waqgħet fis-sena 2000, qal illi l-gvernijiet għandhom jirrealizzaw li dawn l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu jiġru biex ikunu akkomodati l-iżiluppaturi. "Meta jseħħ inċident Ministru dejjem jiġi joqgħod jikkunslak, imma maż-żmien l-għajnuna li jgħidu li se jagħtu qatt ma tasal."

Alex Torpiano minn Din l-Art Ħelwa, qal illi hija inaċettabbli li l-għaqdiet non governattivi biss qed iressqu l-kwistjonijiet taċ-ċittadini. "Qed jittieħdu deċiżjonijiet taħt l-iskuża ta' politika skaduta."

Anastasia Caruana Finkel minn Friends of the Erath qalet illi f'pajjiżna qed naraw il-qerda ta' kollox.

Għad-dimostrazzjoni ta' nhar is-Sibt se jattendu 60 għaqda non governattiva, fosthom NGOs ambjentali u residenti minn lokalitajiet bħaż-Żejtun, Pembroke, Wied il-Għajn, Ħ’Attard, il-Pietà u Ħaż-Żebbuġ, sa għaqdiet kulturali, tad-drittijiet umani u tal-istudenti. 

More in Politika