Sa Lulju kellna defiċit ta' €126 miljun minħabba żieda fin-nefqa u fil-proġetti

Minkejja li ma jfissirx li l-Gvern mhux se jagħmel surplus sal-aħħar tas-sena, sa Lulju kien qed jagħmel defiċit

Sal-aħħar ta' Lulju li għadda il-Fond Konsolidat tal-Gvern kien għadu qed jimmarka defiċit ta' €126 miljun. Dan mhux neċessarjament ifisser li l-Gvern xorta mhux se jagħmel surplus sal-aħħar tas-sena, hekk kif numru ta' pagamenti jkunu għad iridu jidħlu fl-imsemmi fond. 

Bejn Jannar u Lulju, id-dħul tal-Gvern żdied b'€380 miljun biex ammonta għal €2.63 biljun jew żieda ta' 17% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta' qabel. Il-katalisti ta' dan it-tkabbir kienu flus minn għotjiet u taxxa tad-dħul. 

Minkejja dan, in-nefqa tal-Gvern żdiedet ukoll b'€305 miljun biex ammonta għal €2.3 biljun bl-akbar kontributuri jkunu flus taħt 'Programmi u Inizjattivi', kontribuzzjonijiet lil entitajiet tal-gvern, benefiċċji u pagi kif ukoll spejjeż relatati mal-manutenzjoni. 

L-ispiża kapitali tal-Gvern żdiedet ukoll b'€95 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra biex ammonta għal total ta' €282.4 miljun. Dan kien l-aktar minħabba kostruzzjoni ta' toroq, fondi struttutrali u fondi ta' koeżjoni. 

More in Politika