Il-PN jikkritika lill-Gvern għax skontu 'qed jinjora t-talba ta' diskussjoni dwar iż-żieda fil-prezz tal-fjuwil'

Il-PN jgħid li l-Gvern qed jkompli jgħabbi lil-familji li ma jistgħux jlaħħqu mal-ħajja

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista kkritika lill-Gvern talli skontu,"qiegħed jinjora t-talba tal-imsieħba soċjali biex jiddiskuti ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil."

"Minflok jara kif se jindirizza ż-żieda żejda fil-prezz tal-fjuwil, il-Gvern qed jipprova jnessi din it-taxxa ġdida fuq il-poplu Malti u Għawdxi billi jinjora t-talba tal-UĦM biex isir dibattitu fl-MCESD," qalet l-istqarrija. 

Il-PN kompla jgħid li, "din kienet it-tieni sena konsekuttiva li fiha għola l-prezz tal-fjuwil. Filfatt, fuq medda ta' sentejn il-prezz tal-petrol għola b'10ċ kull litru. Dan meta l-prezz internazzjonali taż-żejt ra tnaqqis 'l isfel f'dawn l-aħħar snin."

Għaldaqstant l-istqarrija reġgħet ikkiritkat lill-Gvern għaliex skontha naqas milli jispjega din iż-żieda.

 "Meta l-prezz raħas b'1ċ, il-Gvern kien b'tant pompa ħareġ jagħmel konferenza tal-aħbarijiet. Issa li l-prezz żdied b'10ċ kull litru fuq sentejn waqt li prezz internazzjonali taż-żejt huwa baxx, il-Gvern ma ħass l-ebda bżonn li jagħmel konferenza tal-aħbarijiet biex jispjega għaliex din l-anomalija, anzi mar barra min triqtu sabiex lanqas jiddiskuti dan mal-imsieħba soċjali," qal il-PN

Fl-aħħar nett il-PN qal li, "l-Gvern qed jgħabbi lill-familji bil-piżijiet u qegħdin jispiċċaw iġorru l-piż tort tal-Gvern li tilef kull sens ta' ġustizzja soċjali. L-għoli tal-fjuwil ikompli f'serje ta' żidiet fil-prezzijiet ta' prodotti essenzjali bħal ma huwa l-ħalib, u jkompli jitfa' piż fuq il-familji li mhux ilaħħqu mal-ħajja, kif ukoll fuq in-neogzji żgħar u min iħaddem."

More in Politika