Aġġornata | Jinġabru 6,000 firma biex id-db Group jitwaqqaf milli jiskava s-sit tal-ITS

Wara li kien ġie annullat il-permess tas-City Centre Project, l-iżviluppaturi kienu applikaw għal skavar waħdu fuq l-istess sit

Fi stqarrija konġunta, mibgħuta mill-Moviment Graffitti, tħabbar li nġabru numru rekord ta’ 6,000 oġġezzjoni għall-iskavar mid-db Group tas-sit fejn qabel kien hemm ITS.

Dan il-firem ġew sottomesi lill-Aworita tal-Ippjanar.

L-għadiet kollha li ffirmaw din l-istqarrija fakkru kien dawn il-firem ikomplu jżidu mal-4,500 oġġezzjoni li kienu diġà saru kontra d-db fir-rigward tas-City Centre Project fuq l-istess sit.

Aktar kmieni din is-sena, dan l-istess permess, inkluż l-iskavar, ġie annullat mill-Qorti minħabba kunflitt ta’ interess ta’ wieħed mill-membri tal-bord, anke jekk il-Grupp se jkun qed jerġa’ japplika.

“F’Lulju, diversi għaqdiet, Kunsilli Lokali u residenti kkundannaw din l-applikazzjoni ġdida għal skavar waħdu bħala attentat ċar ta’ kif wieħed jipprova jevadi valutazzjoni sħiħa tal-impatt li se jġib miegħu dan l-iżvilupp. Wieħed irid iżomm f’moħħu li din l-applikazzjoni hija separata minn dik li ġiet sottomessa mill-kumpanija sentejn ilu, iżda hija xorta waħda parti mill-istess proġett,” fakkru l-għaqdiet fi stqarrija.

Komplew jisħqu kif din l-applikazzjoni ta’ skavar fuq skala kbira ġiet ipproċessata f’ġimgħa biss, u ma tagħti l-ebda indikazzjoni x’ser jiġri mill-iskart tal-iskavar.

“L-istess skavar se jkun qiegħed ukoll jestendi ruħu taħt bunker tal-Gwerra Bierda u binja li hija skedata bħala grad 2. Dan filwaqt li qed jiġi misterjożament sostnut li dawn il-binijiet se jibqgħu jżommu l-istruttura tagħhom. Dan l-iskavar ser ikun qiegħed ukoll jipperikola bil-kbir l-għar u l-madwar ta’ Ħarq Ħammiem, sit ta’ importanza naturali, ġeoloġika u xjentifika,” kompliet l-istqarrija.
Insistew li l-firem miġbura jkomplu juru “kemm hija wiesa’ u qawwija l-oppożizzjoni għal dan il-proġett.”

Temmew jisħqu li residenti, Kunsilli Lokali u għaqdiet ser jibqgħu għaddejjin bl-isforz tagħhom biex iwaqqfu “dan il-monument għar-regħba tad-db; proġett li juri diżrispett totali lejn ir-residenti u l-ambjent, u li ħa jibbenefikaw minnu biss dawk li se jaqilgħu il-miljuni mill-ispekulazzjoni tal-art.”

L-entitajiet li ffirmaw din il-petizzjoni huma l-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, San Ġiljan u s-Swieq u l-NGOs Archaeological Society of Malta, Bicycle Advocacy Group, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Isles of the Left, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta u Ramblers Association

"Aktar Gideb" jisħaq il-Grupp db

Intant fi stqarrija b’risposta għal dan, il-Grupp db qal li mhux minnu li kien hemm 10,500 firma għal dan il-proġett. “Din l-informazzjoni hi falza. Fuq is-sit tal-Awtorita tal-Ippjanar hemm l-informazzjoni sħiħa li turi li din hi gidba. 

Skont il-grupp, in-numru ta’ firem huwa tliet darbiet anqas mill-figura kwotata fid-dikjarazzjoni ta’ dalgħodu. “Din mhux kwistjoni ta’ opinjoni iżda ta’ fatt li ma jistax jkun innegat.”

Apparti minn dan huma qalu li l-firem inġabru mill-istess grupp ta’ persuni li użaw imejls differenti.

Fl-aħħar nett id-DB qal li, “din hi kampanja kontra l-proġett, l-akbar proġett minn għand individwi fl-istorja tal-pajjiż. Mill-bidu ta’ dan il-proġett il-grupp DB żamm mal-liġijiet u proċeduri neċessarji kollha. Se nkomplu nagħmlu dan bl-akbar determinazzjoni u trasparenza.”

More in Politika