'Delia kkritika iżda reġa’ ma għamilx proposti'

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali jirreaġixxi għall-kummenti ta' Delia dwar il-kera waqt laqgħa mal-MDA

Delia lbieraħ waqt il-laqgħa mal-MDA
Delia lbieraħ waqt il-laqgħa mal-MDA

Adrian Delia kkritika iżda reġa’ ma għamilx proposti. Hekk saħaq is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali wara li lbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni kellu laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi fejn tqajjem il-punt dwar il-liġi tal-kera.

“Filwaqt li l-gvern ifakkar li l-Oppożizzjoni vvutat favur fit-tieni qari fil-Parlament tal-liġi li issa trid temenda, il-gvern xorta jħares ’il quddiem b’interess għal dawn l-emendi,” saħaq is-Segretarjat Parlamentari fi stqarrija.

Insista li  l-Gvern jibqa’ tal-fehma li  għandu jkun hemm bilanċ kemm jista’ jkun bejn il-kerrej u s-sid u allura biex ikun hemm protezzjoni kemm jista’ jkun għaż-żewġ partijiet.

“Il-gvern huwa impenjat li jilleġiżla sabiex ikun hemm il-bidliet meħtieġa fl-interess ta’ kulħadd, iżda bħal dejjem jibqa’ dejjem lest u miftuħ għad-djalogu, ġej minn fejn ġej u allura jħares ’il quddiem li jiddiskuti ma’ kulħadd,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika