Applikazzjoni għal xogħlijiet infrastrutturali 'kbar' fl-inħawi ta' Pembroke, San Ġiljan u Paceville

Id-dettalji ta’ applikazzjoni ppreżentata x-xahar li għadda għadhom mhux pubbliċi għax skont il-PA, l-applikazzjoni mhijiex kompluta

Jidher li wara l-approvazzjoni tal-proġett Central Link se jkun imiss it-twessigħ ta’ toroq fl-inħawi ta’ Pembroke u San Ġiljan, liema proġett mistenni jgħaqqad ukoll il-mina li tagħti għal Paceville u l-Bajja ta’ San Ġorġ.

Id-dettalji ta’ applikazzjoni ppreżentata x-xahar li għadda għadhom mhux pubbliċi u dan għax skont l-Awtorità tal-Ippjanar, l-applikazzjoni għadha “mhux kompluta,” l-istess kif ġara f’applikazzjonijiet oħra kbar fl-aħħar xhur.

L-informazzjoni li hija pubblika ma tindikax liema partijiet mir-rotta indikata se tkun taħt l-art, mibnija mil-ġdid jew inkella elevata.

Il-MaltaToday irrapportat kif l-użu ta’ mini taħt l-art u anke toroq elevati jista’ jnaqqas l-impatt fuq siti sensittivi bħalma huwa Wied Harq il-Ħammiem, li hu inkluż fis-sit tal-applikazzjoni.

Irrapportat ukoll kif il-pjani jaqblu mar-rotta tal-mina taħt l-art ippreżentati waqt il-proċess dwar l-applikazzjoni tat-torri ta’ 38 sular li l-Grupp DB qed jipproponi għal Pembroke.

Meta kien ġie biex jiġi approvat it-torri tad-DB (anke jekk il-permess għalissa ġie rrevokat) waħda mill-akbar kritika li kienet qed issir kienet in-nuqqas ta’ infrastruttura fit-toroq u dan fid-dawl li l-proġett kien se jżid 7,000 vjaġġ aktar bil-vetturi fl-inħawi.

Skont dak ippubblikat, l-istess proġett jaħseb biex jgħaqqad il-park-and-ride biswit dak li kien ir-Raffles.

Xogħlijiet oħra jidhru li huwa proposti għal Triq il-Professur Walter Ganado, li se tkun qed tingħaqad ma’ Triq Sant Andrija, liema konnessjoni se tkun qed tgħaddi mill-wied protett ta’ Ħarq il-Ħammiem.

Xogħlijiet se jsiru wkoll tul Triq Reġjonali, mill-pont biswit Wied il-Kalċi sal-junction ma’ Triq Sant’Andrija u aktar ‘il fuq viċin Portomaso.

L-istess pjani jaqblu wkoll ma’ proposta li kienet saret fil-masterplan dwar Paceville li kien jinkludi l-bini ta’ mina twila 732 metru li tgħaddi minn taħt Triq Mikiel Anton Vassallo, bil-għan li jonqos it-traffiku fl-inħawi tal-park-and-ride f’St Andrew.

More in Politika