Fearne jappella għal aktar trasparenza fil-prezzijiet tal-mediċina

Waqt laqgħat fi Brussell, Fearne saħaq li qed jinħolqu diskrepanzi bejn il-prezzijiet li qed iħallsu diversi pajjiżi għall-istess mediċini

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li għandu jkun hemm trasparenza fil-prezzijiet tal-mediċini kif ukoll aktar djalogu bejn il-gvernijiet Ewropej u r-rappreżentanti tas-settur tal-farmaċewtika u l-għaqdiet tal-konsumaturi dwar il-mediċini.

 Dan kien il-messaġġ li saħaq fuqu  Fearne f’laqgħat li kellu fi Brussell mar-rappreżentanti tal-industrija tal-farmaċewtika.

Id-Deputat Prim Ministru insista li kull pajjiż għandu jkun fil-libertà li jiddikjara l-prezzijiet li qed iħallas biex jixtri l-mediċini.

Preżentament il-kumpaniji tal-farmaċewtika jipprojbixxu lill-pajjiżi li jippubblikaw il-prezzijiet li jħallsu minħabba interessi kummerċjali. Dan iżda qed iwassal għal diskrepanzi bejn il-prezzijiet li qed iħallsu diversi pajjiżi għall-istess mediċini, spjega Fearne.

Fi stqarrija, il-Gvern fakkar li d-diskussjonijiet mal-industrija tal- farmaċewtika ngħataw spinta ’l  quddiem matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fejn fuq inizjattiva ta’ Malta, ġie stabbilit ukoll il-grupp Valletta Declaration li jinkludi fih għaxar pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li bejniethom jirrappreżentaw mat-30% tal-popolazzjoni Ewropea.

L-inizjattiva Maltija għandha l-għan li twassal għal mediċini orħos permezz ta’ aktar trasparenza fil-mod kif jiġu negozjati l-prezzijiet bejn il-kumpaniji farmaċewtiċi u l-gvernijiet Ewropej. Dan huwa importanti biex iċ-ċittadini Ewropej, inkluż f’Malta, jibqa’ jkollhom aċċess għall-kura eżistenti kif ukoll għal dik li għad tiġi żviluppata, fl-istess waqt li s-servizzi tas-saħħa jibqgħu sostenibbli għas-snin li ġejjin.

Il-Gvern Malti saħaq li huwa determinat li jkompli jmexxi din l-inizjattiva.

“Dan għandu jwassal biex ikun hemm qafas legali għat-trasparenza fin-negozjati bejn il-gvernijiet u l-industrija,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika