‘Irridu naslu f’punt fejn il-kittieba jkunu kapaċi jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-ktieb’

Il-KNK irid irid li jkunu msaħħa d-drittijiet tal-kittieba. Imma x’qed jipproponi eżatt? Kittieb jista’ jiekol biss mill-kotba? L-ILLUM tistaqsi?

“Aħna rridu li kemm l-awturi u anke l-pubblikaturi jżidu l-profitt tagħhom.” Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM iċ-Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri.

Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma’ Camilleri biex titkellem miegħu dwar abbozz ta’ proposti li qed jippreżenta l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bl-għan li jiġu mħarsa aħjar id-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba u tibda t-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Diġitali.

“F’kull industrija għandek il-produtturi. Fl-industrija tagħna, il-produtturi huma l-kittieba. Għall-ewwel darba f’Malta qed nistabbilixxu, b’mod kollettiv, id-drittijiet ta’ dawn il-kittieba,” saħaq Camilleri.

Fi kliemu, sal-lum il-ġurnata, l-industrija tal-ktieb qatt ma kienet irregolata.

“Għandna pubblikaturi li jimxu tajjeb mal-kittieba tagħhom, oħrajn li jimxu inqas tajjeb u oħrajn li ma jimxu xejn tajjeb mal-kittieba,” insista Camilleri.

Propju għalhekk li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, permezz tal-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba li se jsir fl-14 ta’ Settembru, se jkun qed jistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi u d-drittijet bażiċi tal-kittieba.

“Bħalma ħaddiem ikollu l-paga minima, il-kittieb se jkollu wkoll id-drittijiet bażiċi tiegħu,” saħaq Camilleri.

Wieħed mill-għanijet ta’ dan l-abbozz ta’ proposti huwa li l-awturi jkollhom dħul ġust mix-xogħlijiet tagħhom tali mod li jkunu kapaċi jaqilgħu l-għajxien tagħhom minnu.

Eventwalment, minn dan, se tkun qed tgawdi l-industrija tal-kotba, għax aktar kittieba jitħajru jiktbu u jippubblikaw ix-xogħol tagħhom.

‘Hawn ħafna kittieba li d-drittijiet tagħhom ma ġewx irrispettati’

Allura dan ifisser li bħalissa teżisti sitwazzjoni fejn awtur mhux dejjem imur tajjeb mill-bejgħ tax-xogħol tiegħu? “Għandna ħafna każi hekk,” wieġeb Camilleri. “Hawn ħafna kittieba li d-drittijiet tagħhom ma ġewx irrispettati.”

Camilleri fakkar ukoll kif il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għandu r-responsabbilità li jdaħħal f’Malta d-Direttiva l-ġdida tal-Unjoni Ewropea dwar il-liġi tal-Copyright, liema abbozz propost huwa l-ewwel pass lejn din id-direzzjoni.

Iċ-Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri

Bħala kittieb ukoll, staqsejna lil Mark Camilleri kemm hu diffiċli li awtur jaqla’ l-għajxien tiegħu mix-xogħlijiet li jikteb. Huwa wieġeb li f’Malta ma hawn l-ebda awtur li jgħix biss minn fuq il-kotba.

“Hawn żewġ jew erba’ kittieba li kieku jridu jirnexxielhom. Iżda għadna ma wasalnix f’dak l-istadju li l-kittieba jkunu kunfidenti li jistgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-ktieb. Din hija xi ħaġa ambizzjuża ħafna li nixtiequ naslu għaliha. Bix-xogħol li qed inwettqu hemm ċans li naslu,” saħaq Camilleri.

‘Irridu li l-industrija kollha tagħmel il-flus’

Fi kliemu, fl-aħħar snin, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb innota qabża kbira fis-settur tal-pubblikaturi, anke jekk għad għandhom ħafna sfidi.

“Illum il-pubblikaturi qed jiġu mgħejjuna b’mod sostanzjali. Il-Gvern qed jixtri ħafna kotba mingħandhom biex iqassam fl-iskejjel, il-Festival tal-Ktieb qed isir aktar popolari, u l-promozzjoni qed taħdem,” saħaq Camilleri.

Minkejja dan, Mark Camilleri nnota kif il-ħwienet tal-kotba qed jonqsu u għalhekk il-pubblikaturi qed ibigħu inqas. Iżda din l-isfida, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq li jindirizzaha billi meta jirranġa l-post li għandu fil-Belt Valletta, parti minnu jinfetaħ ukoll bħala ħanut tal-kotba.

Kien hawn li insista li l-Kunsill irid li jara l-industrija kollha tagħmel il-flus.

Kuntratt bil-miktub bejn l-awturi u l-pubblikaturi

Iddiskutejna punt punt il-kundizzjonijiet minimi li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qiegħed jipproponi. L-ewwel proposta hija li għat-trasferiment tad-drittijiet tal-pubblikazzjoni għal xogħol letterarju, l-awturi għandhom jiffirmaw kuntratt bil-miktub mal-pubblikaturi.

Camilleri saħaq li filwaqt li hemm pubblikaturi li jaħdmu b’mod professjonali u dejjem jiffirmaw kuntratt mal-awtur, jeżistu ħafna każi oħra fejn dan ma jsirx u mhux l-ewwel darba li dan sar b’ħażen ukoll.

“Mingħajr kuntratt, id-drittijiet mhumiex trasferiti. Jinqalgħu ħafna kumplikazzjonijet ’il quddiem. L-aktar punt kruċjali u bażiku li l-kittieba jridu jifhmu, huwa li jridu jibdew jiffirmaw il-kuntratti. Jekk dan ma jagħmluhx, id-drittijiet tagħhom mhux se jkunu garantiti għax ikun hemm lok ta’ abbuż,” spjega Camilleri.

‘Vanity publishing titfa’ l-istandards ta’ kulħadd lura’

Kien hawn li semma wkoll dak magħruf bħala ‘vanity publishing,’ sfida li teżisti u li fi kliemu diffiċli biex wieħed jeliminaha.

“Dan jitfa’ l-istandards lura. Ikun hemm min ikun irid jippubblika ktieb akkost ta’ kollox u saħansitra jħallas biex jagħmel dan,” qalilna Camilleri.

Hawn tkellem fit-tul dwar l-importanza tal-pubblikatur, għax fi kliemu, dan jiffiltra dak li hu tajjeb u dak li mhuwiex.

“Meta l-awturi jħallsu biex jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom, jitfgħu l-istandards ta’ kulħadd lura,” saħaq iċ-Chairperson.

Kull awtur għandu jitħallas 10% tal-bejgħ nett

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jipproponi wkoll li għandu jkun hemm somma li titħallas lill-awtur ta’ kwalunkwe ktieb ippubblikat (ħlief dawk tal-poeżiji) u li m’għandhiex tkun inqas minn 10% tal-bejgħ nett. Fil-każ ta’ fieri ta’ kotba, meta l-pubblikatur qed ibigħ direttament, ir-rata tista’ titla’ sa 15%.

L-istess bħal fil-każi l-oħra, Camilleri saħaq li hemm pubblikaturi li jħallsu tajjeb u oħrajn li ma jħallsu xejn.

Kompla jisħaq li sa issa, il-bilanċ kuntrattwali fl-industrija tal-kotba, dejjem kien favur il-pubblikaturi.

“Il-kittieba Maltin qatt ma kellhom il-possibbilità li jinnegozjaw, b’mod anke kollettiv, ir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubblikaturi. Aħna qed noffru din il-possibbilità. Anke min ma kienx jitħallas, issa jiffirma kuntratti biex jibda jitħallas,” saħaq Camilleri.

“Iċ-ċifri tagħna huma raġonevoli ħafna. Qed nitolbu l-minimu, qed inkunu realistiċi,” kompla jispjega waqt li fakkar li l-pubblikazzjoni tiswa ħafna flus, speċjalment meta pubblikatur jieħu x-xogħol tiegħu b’serjetà u apparti li jiċċekja l-lingwa, jeditja wkoll il-kontenut. “Ftit huma li jwettqu dan.”

Kien hawn li Camilleri saħaq li waħda mill-affarijiet li qed titfa’ l-industrija lura hija l-fatt li minħabba t-tnaqqis fil-bejgħ, id-distributur ewlieni tal-kotba f’Malta qiegħed jimponi rata retta ta’ 50% fuq il-pubblikaturi, rata li fi kliemu hija għolja ħafna.

“Din qed titfagħna ħafna lura,” insista Camilleri.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jisħaq li jixtieq jara kemm lill-awturi u anke lill-pubblikaturi jżidu fid-dħul
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jisħaq li jixtieq jara kemm lill-awturi u anke lill-pubblikaturi jżidu fid-dħul

Id-drittijiet anċillari kollha huma esklussivament tal-awtur

Il-Kunsill qed jisħaq ukoll li sakemm mhux mifthiem mod ieħor fil-kuntratt, id-drittijiet anċillari kollha li jirriżultaw minn ktieb ippubblikat, fosthom dawk tat-traduzzjoni, drittijiet ta’ films, ta’ teatru u oħrajn, huma esklussivament tal-awtur.

Imma dan mhux ovvja? “Ikollna sitwazzjoni fejn ġieli kellna abbużi dwar dawn id-drittijiet,” wieġeb Camilleri.

Filwaqt li hemm saħaq li hemm linji ta’ ħsieb differenti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jaqbel li d-drittijiet anċillari u dawk ta’ self pubbliku jibqgħu dejjem tal-kittieba.

“Dan qed nagħmluh għax l-istrateġija tagħna hija li naraw il-pubblikaturi jagħmlu l-qligħ u fl-istess ħin l-awturi jagħmlu l-flus mhux mill-bejgħ biss, iżda anke minn dawn id-drittijiet anċillari,” saħaq Camilleri.

Fi kliemu, dwar dan, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għandu qbil mal-maġġoranza tal-pubblikaturi f’Malta.

‘Dak li qed nitolbu huwa raġonevoli ħafna,” insista Camilleri.

Aċċess għal informazzjoni dwar il-bejgħ tal-kotba

Fid-dawl tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijet tal-awtur u d-drittijiet relatati mas-Suq Uniku Diġitali, l-Abbozz ta’ Liġi li qed jipproponi l-Kunsill jisħaq li l-awturi għandhom ikollhom id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar il-bejgħ tal-kotba tagħhom, inkluż l-għadd ta’ kotba mibjugħa.

Filwaqt, li skont Camilleri, hawn pubblikaturi li diġà jagħmluha, hemm oħrajn li ma jagħmluhiex, anke jekk fi kliemu hija xi ħaġa bażika u kważi kważi ovvja.

“Għandha tingħata mqar darba f’sena. Ikun hawn awturi li ma jkunux jafu kif sejrin il-kotba tagħhom.”

Issa x’se jsir b’dawn il-proposti?

Mark Camilleri appella lill-awturi biex jattendu għall-Kungress tax-xahar id-dieħel li se jkun qed jiddiskuti u eventwalment jivvota dwar dawn il-proposti.

Jekk ikun approvat, dan imbagħad jgħaddi għand il-Minstru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo biex tkun diskussa fil-Kabinett u eventwalment titla’ wkoll fil-Parlament.

“Importanti li l-awturi jattendu għall-kungress. Huwa fl-interess tagħhom li jattendu,” temm jappella Camilleri.  

More in Politika