250 tunellata ta' skart u materjal jitneħħa minn għadd ta' widien

Il-Ministru José Herrera ħabbar ukoll li f’Lulju ta’ din is-sena bdiet ħidma f’Wied il-Mistra minn Ambjent Malta

Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera ħabbar li matul din is-sena tneħħa madwar 250 tunellata ta’ materjal li kien jikkonsisti fi skart mormi illegalment u pjanti invasivi minn widien.

Ix-xogħol twettaq mill-Valley Management fi ħdan Ambjent Malta u kienet tinvolti tindif u riabilitazzjoni ta' dawn il-widien.

Il-widien imnaddfa kienu:

·         Wied is-Sewda, Wied iċ-Ċawsli u Wied il-Kbir f’Ħal Qormi

·         Wied Qirda, Wied Baqqiegħa, Wied ta' San Martin u Wied Sant’ Anton f’Ħaż-Żebbuġ

·         Wied Ħesri u Wied il-Girgenti fis-Siġġiewi

·         Wied Għomor, Swieqi,

·         Wied Għar id-Dwieb u Wied il-Qlejjgħa fir-Rabat,

·         Wied Għammieq, Kalkara  

·         Marsa Sports Ground Channel, il-Marsa

·         Wied Blandun, limiti tal-Fgura/Paola

Il-Ministru Herrera ħabbar ukoll li f’Lulju ta’ din is-sena bdiet ħidma f’Wied il-Mistra minn Ambjent Malta.

Ix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni jinkludu t-tneħħija f’fażijiet ta’ qasab li qed jikkawza għargħar fil-madwar.

Dan il-qasab ser jiġi sostitwit bi pjanti indiġeni. Wara t-tneħħija tal-qasab, ser jiġu rrestawrati il-ħitan tas-sejjieħ eżistenti sabiex jitnaqqas it-telf tal-ħamrija u l-akkumulazzjoni tal-materjal fil-kanal tal-ilma.

Dan il-proġett se jinvolvi wkoll il-ħolqien mill-ġdid tal-abitat tal-ibħra mielħa li jinsab fil-Bajja tal-Mistra u li jifforma parti mis-sit Natura 2000 tax-Xagħra tal-Kortin.

Il-Ministru Herrera spjega wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda x-xogħol fuq il-Kanal tal-Marsa sabiex jitneħħa materjal u skart mormi illegalment fis-sit. Dan ix-xogħol ser jgħin sabiex tnaqqas il-problema tal-għargħar li hemm f’din iż-żona.

More in Politika