Ritratti | Żvelati disinji għal bini ta' torri ieħor ta' 16-il sular f'Tigné Point

Id-disinji ġew żvelati mill-kumpanija LOM iżda d-dettalji tal-applikazzjoni għadhom mhux disponibbli fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar 

It-torri u l-ħwienet proposti
It-torri u l-ħwienet proposti

Il-Midi ħejja disinji ġodda għall-bini ta’ torri ta’ 16-il sular f’Tigne Point, liema deċiżjoni dwaru mistennija tittieħed sal-aħħar tas-sena, anke jekk id-dettalji dwarhom għadhom mhux disponibbli fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Id-disinji l-ġodda kienu żvelati fuq is-sit tal-kumpanija bbażata f’Londra LOM. Dawn jinkludu torri residenzjali u anke ħwienet ġodda mdawwra bi ġnien.

Fuq is-sit, LOM spjegaw kif it-torri, li mistenni jieħu spazju ta’ 13,200 metru kwadru kien iddisinjat b’tali mod li ma jtellifx ħafna mill-veduti tal-Belt Valletta, bil-bqija tal-proġett joffru spazju miftuħ madwar żoni storiċi u fortifikazzjonijet fil-madwar.

Dehra minn fuq ta' kif se jkun qed jidher il-proġett
Dehra minn fuq ta' kif se jkun qed jidher il-proġett

Skont id-disinji, se jkun hemm ukoll pont li jgħaqqad iċ-ċentru kummerċjali ta' Tigné mal-promenade u anke parkeġġ ta’ erba’ sulari taħt l-art.

Dwar id-disinji l-ġodda, Mark Portelli, il-Kap Eżekuttiv ta’ Midi saħaq li LOM iddisinjaw proġett li jirrispetta l-istorja u anke l-ambjent taż-żona. Iddeskriva dan il-proġett bħala l-aħħar fażi tal-iżvilupp f’Tigné Point.

 Anke jekk saret applikazzjoni dwar dan il-proġett, id-dettalji dwaru għadhom mhux magħrufa.

Din hija prassi li qed timxi magħha l-Awtorità tal-Ippjanar, jiġifieri li ma tippubblikax id-dettalji ta’ applikazzjonijiet li ma jkunux ‘kompluti.’

L-istess ġara fil-każ ta’ żona enormi mmarkata għall-fishfarms ‘il barra minn Kemmuna.

More in Politika