Ġurnata kruċjali għall-futur tal-Italja; Il-President jiltaqa' mal-mexxejja tal-partiti

Tentattiv ta' gvern ġdid jew elezzjoni f'Ottubru? Il-President Taljan jiddeċiedi wara dawn il-laqgħat

Il-Quirinale, ir-residenza tal-President Taljan
Il-Quirinale, ir-residenza tal-President Taljan

Illum hija ġurnata kruċjali għall-konsultazzjonijiet li bdew ilbieraħ fil-Quirinale biex tkun riżolta l-kriżi politika fl-Italja u li waslet għar-riżenja tal-Prim Ministru Giuseppe Conte u t-tmiem tal-Gvern li mexxa għal 14-il xahar.

Matul din il-ġurnata, il-President Sergio Mattarella se jkun qed jiltaqa’ mal-gruppi politiċi li jifformaw il-Gvern Taljan, fosthom il-Partit Demokratiku, Forza Italia, il-partit ta’ Matteo Salvini (Lega) u l-partit ta’ Luigi Di Maio (Movimento Cinque Stelle).

Ilbieraħ, huwa ltaqa’ ma’ uffiċjali oħra, fosthom il-President tal-Kamra u anke tkellem mal-President Emeritu Georgio Napoletano, li kien affaċjat bi kriżi simili diversi drabi.

Mattarella għandu l-poter li jxolji l-Parlament u jsejjaħ elezzjoni ġenerali jew inkella jagħżel persuna u jitlobha tipprova tifforma Gvern.

L-uniku maġġoranza li tista’ teżisti biex ikun iffurmat Gvern hija koalizzjoni bejn il-Movimento Cinque Stella u l-Partit Demokratiku, liema koalizzjoni qed tidher li hija impossibbli.

Madanakollu ħafna qed jisħqu ma’ Mattarella li ma jagħmilx sens li l-Italja tmur għal Elezzjoni Ġenerali fix-xhur li ġejjin meta jrid jitħejja baġit u jgħaddi wkoll quddiem l-Unjoni Ewropea.

More in Barranin