L-immigranti salvati mill-Open Arms jiddaħħlu Lampedusa; Il-bastiment miżmum

Il-Gvern Spanjol se jkun qed jibgħat bastiment navali biex jeskorta l-bastiment tal-Open Arms lura lejn Spanja

L-immigranti li fl-aħħar jiem qabżu fil-baħar biex jaslu Lampedusa bl-għawm
L-immigranti li fl-aħħar jiem qabżu fil-baħar biex jaslu Lampedusa bl-għawm

L-immigranti abbord il-bastiment Open Arms tniżżlu fil-port ta’ Lampedusa wara li kienu ilhom 19-il ġurnata bejn sema u ilma.

Huma ddaħħlu wara li prosekutur Taljan ordna li l-immigranti jiddaħħlu fil-port u l-bastiment ikun miżmum.

Madwar 100 immigrant li ġew salvati ftit ‘il barra mil-Libja, kienu ilhom mill-1 ta’ Awwissu fuq il-baħar, b’numru minnhom jaqbżu minn fuq il-vapur fl-aħħar jiem biex jipprovaw jaslu Lampedusa bl-għawm.

Il-Gvern Spanjol, min-naħa tiegħu, qal li se jkun qed jibgħat bastiment navali biex jeskorta l-bastiment tal-Open Arms lura lejn Spanja.

Fi stqarrija, il-Gvern Spanjol qal li se jkun qed jieħu wkoll l-immigranti salvati.

Diversi immigranti kellhom bżonn kura medika. Ritratt | Euro News
Diversi immigranti kellhom bżonn kura medika. Ritratt | Euro News

More in Politika