Filmat | 'Il-PM għandu jgħaddi mill-kliem għall-fatti' ... aktar tajr vittmi ta' kaċċa illegali

BirdLife qed tisħaq li l-infurzar u r-regolamenti f’Malta ġew imdgħajfa u li saħansitra hemm politika favur il-kaċċa

Wieħed mill-fjamingi feruti b'tiri
Wieħed mill-fjamingi feruti b'tiri

BirdLife kkundannat il-fatt li qatgħa fjamingi li fl-aħħar sigħat kienu qed jittajru madwar il-kosta ta’ Malta spiċċat fil-mira ta’ kaċċa illegali.

Fi stqarrija, BirdLife saħqet li apparti l-fjamingu li tniżżel bl-inħawi magħrufin bħala l-Munxar, fil-limiti ta’ Marsaskala, fjamingu ferħ ieħor b’feriti gravi nġabar minn Marsaxlokk u ttieħed għand il-veterinarju tal-Gvern. Il-veterinarju kkonfermat li kellu tiri ta’ senter.

Fjamingi żgħar oħrajn spiċċaw maqbudin fuq l-art u nġabru biex jittieħdu għand il-veterinarju. Wieħed inġabar minn uffiċjali tal-ERA f’Daħlet Qorrot f’Għawdex u ieħor inġabar aktar kmieni minn BirdLife Malta mill-bajja tal- Għadira. Dalgħodu Fjamingu ieħor inġabar minn Tas-Safra mill-għaqda Kaċċaturi San Ubertu (KSU) u ġie mgħoddi f’idejn BirdLife Malta.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana saħaq li l-filmati mxandra juru li l-infurzar u r-regolamenti f’pajjiżna ġew imdgħajfa bil-konsegwenza li xi kaċċaturi qed jitħallew jikkaċċjaw għasafar protetti tul is- sena kollha.

“Il-problema serja bil-ħarsien tal-għasafar f’Malta hija riżultat tal- fatt li l-liġijiet qed jiġu mdgħajfa u anke tal-fatt li t-Taqsima tar- Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) illum inbidlet f’direttorat għall-ħarsien tad-drittijiet tal-kaċċaturi. Hemm policy ċara favur il-kaċċa u direzzjoni politika ċara biex jiġu kkonfrontati l-proċeduri ta’ ksur tal-UE dwar l-insib,” saħqet l-istqarrija.

L-aħħar każi, kompla jisħaq Sultana, juri wkoll li l-Gvern m’għandu l-ebda viżjoni progressiva u moderna fejn jidħol il-ħarsien ambjentali.

Il-fjamingu li spiċċa vittma ta' kaċċa illegali

“Dan l-istat ta’ telqa issa ilu għaddej wisq. BirdLife Malta ssejjaħ lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jindirizza s-sitwazzjoni b’azzjonijiet kostruttivi u viżibbli” insista Sultana. “L-ewwel pass għandu jkun it-twaqqif ta’ taqsima għar- reati kriminali marbutin man-natura (wildlife crime unit) li tkun immexxija minn nies li jkollhom il-ħarsien ambjentali bħala l-ewwel prijorità tagħhom.”

Il-Manager tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara insista wkoll li l-istat tal-illegalitajiet sejjer għall-agħar u li “meta tara li l-Gvern qed jadotta attitudni li jiġi jaqa’ u jqum minn kollox, is-sitwazzjoni tista’ biss tkompli tiggrava.”

BirdLie temmet tisħaq li r- responsabbiltà tal-ħarsien tal-għasafar taqa’ esklussivament fuq il-Gvern

“Il-Prim Ministru Joseph Muscat, matul is-snin, esprima l-opinjoni li jrid jara infurzar aħjar u aktar ħarsien tal-għasafar, u wiegħed tolleranza zero f’dan ir-rigward. Wasal iż-żmien li mill-kliem jgħaddi għall- fatti,” tkompli l-l-istqarrja.

Apparti l-fjamingi, tul l-aħħar 24 siegħa, BirdLife Malta rċeviet ukoll għasfur protett ieħor, li wara l-eżami tal-veterinarju tal-gvern, ukoll kien ikkonfermat li tniżżel b’tiri ta’ senter tal-kaċċa.

Il-Bagħdan Aħmar, li kellu ċ-ċomb fil-ġewnaħ u fid-denb, inġabar mill-Pulizija.

More in Politika