Boris Johnson jaqla' lill-Ministri u uffiċjali 'l barra mil-laqgħat fi Brussel

Il-Ministri u l-uffiċjali fl-UE tar-Renju Unit issa se jibdew imorru għal-laqgħat li huma ta' 'interess għar-Renju Unit biss'

Boris Johnson, PM Ingliż
Boris Johnson, PM Ingliż

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson se jkun qed jaqla' lill-Ministri u uffiċjali minn ħafna mill-laqgħat tal-Unjoni Ewropea illi matulhom jittieħdu diversi deċiżjonijiet, hekk kif issa riesqa dejjem iktar il-ġurnata tal-Brexit. 

Issa l-uffiċjali u l-Ministri Brittaniċi se jibdew jattendu biss għal-laqgħat li r-Renju Unit iħoss illi huma ta' "interess nazzjonali sinjifikanti". 

Meta kien qed iħabbar il-pjanijiet, is-Segretarju ta' Brexit Stephen Barclay qal illi ammont inkredibbli ta' ħin u sforz qed imur għal dawn il-laqgħat. 

"L-uffiċjali ta' fama dinjija tagħna jqattgħu ħafna ħin jippreparaw għalihom dawn il-laqgħat ... mil-lum 'l quddiem se mmorru biss għal dawk il-laqgħat li huma importanti għalina u b'hekk nnaqqsu l-attendenza bin-nofs u niffrankaw mijiet ta' sigħat."

Dan il-pass, naturalment, qajjem r-rabja ta' bosta, fosthom tal-MEP tal-Liberali u Demokratiċi Catherine Bearder li sostniet illi dan kien pass bla sens li jiżvaluta s-sħubija tar-Renju Unit mal-UE. 

"Kif se tkun taf jekk hux qed ikunu diskussi affarijiet importanti jekk inti m'intix qiegħed hemm?" staqsiet Bearder.

 

More in Politika