Mark Camilleri jgħid li l-Ministeru ffriża l-flus tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u jwissi b'riżenja

Mark Camilleri jgħid illi siegħa biss wara konfront mal-Ministru Evarist Bartolo, ġew ffriżati l-flus tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Mark Camilleri, Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb
Mark Camilleri, Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Mark Camilleri, Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), wissa illi jekk l-affarijiet ma jkunux riżolti hu se jirreżenja mill-kariga u dan wara li f'messaġġ fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook allega illi l-Ministeru tal-Edukazzjoni ffriża l-flus lill-istess Kunsill u inħarġet ordni li tgħid li l-proċeduri tal-kontijiet tal-KNK għandhom jiġu assorbiti mill-Ministeru. 

Camilleri sostna li dan ġara siegħa biss warali kellu konfront ma' Evarist Bartolo fuq l-awtonomija tal-istess Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. "Apparti li l-Ministru ma jaqbilx li l-liġi tal-Kunsill tiġi elevata għall-att tal-Parlament, burokratiċi mill-Ministeru li lanqas għandhom idea kif taħdem l-industrija privata u wisq inqas il-KNK u l-industrija tal-kotba, iridu jreġġgħu l-arloġġ lura 30 sena u jagħmlu mill-KNK dipartiment tal-gvern," sostna Camilleri. 

F'kummenti ma' dan is-sit Camilleri fakkar li kemm ilu l-Kunsill jaħdem indipendentement mill-Ministeru "sar ħafna ġid fil-qasam tal-kotba". Insista iżda illi l-Ministeru jrid jieħu minn idejn dan il-Kunsill din l-awtonomija,. 

"Għal din ir-raġuni, għall-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba, jien se inkun qed ngħaddi mozzjoni lis-segretarju sabiex tiġi implimentata d-deċiżjoni unanima tal-KNK li l-liġi sussidjarja tal-KNK tiġi elevata f'att tal-parlament u magħha ser inżid li din għandha issir biex tassigura l-awtonomija u l-permanenza tal-KNK."

Huwa qal, fil-kitba tiegħu fuq il-midja soċjali, illi l-pożizzjoni tiegħu m'għadhiex tenibbli bis-sitwazzjoni kif inhi, xi ħaġa li reġa' kkonferma ma' dan is-sit. 

Il-Ministeru jgiddeb ...

F'reazzjoni iżda l-Ministeru sostna li mhu minnu xejn li kienu ffriżati xi kontijiet u li kull talba ghal fondi pubblici irid jghaddi minn due process regolari.


 

More in Politika