Il-Bank Ċentrali jbassar li t-tkabbir ekonomiku se jibqa' b'saħħtu fis-sentejn li ġejjin

Skont il-Bank Ċentrali, ir-rata tal-qgħad sal-2021 mistennija tkun dik ta' 3.8%

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta qiegħed ibassar li t‑tkabbir ekonomiku se jibqa’ wieħed b’saħħtu matul is‑snin li ġejjin u jkun f’medja ta’ 4.4% bejn l‑2019 u l‑2021.

It‑tkabbir fil‑konsum privat u fl‑infiq tal‑gvern hu mistenni li jibqa’ b’saħħtu, filwaqt li l‑investiment hu mistenni li jirkupra mit‑tnaqqis irreġistrat fl‑2018.

Skont il-Bank Ċentrali, it-tkabbir fil- Prodott Domestiku Gross se jkun sostnut l-aktar mid-domanda domestika, l-aktar minħabba tkabbir b’saħħtu fil‑konsum privat u fl‑investiment.

“B’kuntrarju għal dan, il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta hu mistenni li jkun negattiv fl‑2019 u fl‑2020 minħabba xenarju internazzjonali dgħajjef, u rata ta’ tkabbir ogħla fl‑importazzjoni bħala riżultat ta’ domanda domestika b’saħħitha,” ibassar il-Bank Ċentrali.

Minkejja dan jisħaq ukoll li l‑kontribut tal‑esportazzjoni netta għandu jkun pożittiv fl‑2021 minħabba tkabbir aktar mgħaġġel fl‑esportazzjoni.

Dwar il-ħolqien tal‑impjiegi, il-Bank Ċentrali saħaq li r‑ritmu mistenni li jimmodera, iżda jibqa’ b’saħħtu.

“Is‑suq tax‑xogħol hu mistenni li jibqa’ f’livelli stretti, bir‑rata tal‑qgħad imbassra li tkun 3.8% sal‑2021,” spjega l-Bank fi stqarrija.

Mistennija tbatti wkoll xi ftit l‑inflazzjoni annwali, qabel ma titla’ għal 1.9% sal‑2021, minħabba tkabbir aktar b’saħħtu fil-prezzijiet tas‑servizzi u tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija.

“Barra minn hekk, il‑bilanċ tal‑gvern hu mistenni li jibqa’ pożittiv matul is‑snin li ġejjin, b’tali mod li l‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG mistenni li jinżel taħt l‑40% sal‑2021,” temmet tispjega l-istqarrija.

Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.

More in Politika