Disfatta għal Salvini wara li l-Parlament Taljan ċaħad mozzjoni tiegħu għall-vot ta' sfiduċja

Dan minkejja l-U-turn li għamel Salvini biex jipprova jġib warajh lill-Movimento Cinque Stelle li miegħu jinsab f'koalizzjoni

 

Disfatta għad-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini hekk kif ilbieraħ il-Parlament Taljan ivvota kontra t-talba tiegħu għall-vot ta' sfiduċja fil-Gvern tal-Prim Ministru Giuseppe Conte.

Minflok, il-Parlament ivvota favur li l-Prim Ministru Conte jindirizza lid-Deputati, li kellhom jirritornaw ħesrem mill-btajjel, biex jagħti stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Gvern ta' koalizzjoni li ilu jmexxi 14-il xahar.

Salvini ressaq mozzjoni favur vot ta' sfiduċja iżda l-partit ta' Luigi di Maio, li flimkien miegħu fforma Gvern ta' koalizzjoni, ingħaqad mal-Partit Demokratiku u partiti oħra u vvotaw kontra.

Dan minkejja li Salvini deher jagħmel U-turn kbira hekk kif offra li jaqbel ma' riforma parlamentari pproponuta mill-Movimento Cinque Stelle u li sal-ġimgħa l-oħra kien qed jinsisti li ma jaqbilx magħha.

Huwa insista li kien lest jivvota favur  jekk min-naħa tiegħu, il-partit ta' di Maio jaqbel ukoll li l-Italja ssejjaħ Elezzjoni Ġenerali.

"Ejja nivvutaw li nnaqsu 345 Deputat iżda naqblu li nsejħu elezzjoni ġenerali," saħaq Salvini.Ir-riforma li qed jipproponi l-partit ta' di Maio tisħaq li l-għadd ta' Deputati Parlamentari jonqos minn 950 għal 605.

Stħarriġ tal-opinjoni pubblika qed jindikaw li jekk tissejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija, il-Lega, jiġifieri l-partit ta' Salvini, jirbaħ dawn l-elezzjonijiet hekk kif jikseb 38% tal-voti.

More in Politika