Azzopardi jistaqsi għalfejn siġar inqalgħu minn Santa Luċija u tħawwlu f'Ħad-Dingli

Il-PN saħaq li r-residenti ta' Santa Luċija għandhom dritt ikunu jafu għalfejn ittieħdet din id-deċiżjoni

"Ir-residenti ta' Santa Luċija għandhom kull dritt li jkunu jafu għaliex siġar li nqalgħu ftit jiem ilu minn din il-lokalità minn Infrastructure Malta, li hija taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Ian Borg, ittieħdu sabiex jitħawwlu f'Ħad-Dingli ġo għalqa privata u li mhix tal-Gvern, b'mod temporanju."

Hekk saħaq id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista li fiha staqsa kif intgħażlet għalqa f'Ħad-Dingli u mhux postijiet oħra viċin Santa Luċija.

Jason Azzopardi staqsa wkoll x'garanzija qiegħed jagħti l-Gvern li din hija biss miżura temporanja u li s-siġar jerġgħu jsibu posthom f'Santa Luċija

"L-Oppożizzjoni tesiġi li l-Gvern ma jkomplix bil-politika tal-ħabi, kif qed jagħmel f'dan il-proġett ta' Santa Luċija, li se jfisser il-qerda ta' kwazi 500 siġra," staqsa Azzopardi.

Temm jisħaq li din "il-qerda" li setgħet tiġi evitata li kieku l-Gvern għamel konsultazzjoni minn qabel.

"Il-Gvern għandu jgħid il-verità kollha dwar id-deċiżjonijiet li qegħdin jittieħdu,' insista l-Kelliem.

More in Politika