Il-lukandi jibqgħu b’saħħithom minkejja żieda qawwija fil-kiri ta’ appartamenti

L-aħħar ċifri tal-NSO dwar it-turiżmu juru illi kien hemm żieda qawwija fin-numru ta’ turisti li ma qagħdux f’akkomodazzjoni kollettiva fl-ewwel sitt xhur tas-sena...

Numru ta’ lukandiera ilhom jilmentaw dwar diversi persuni li qed jikru l-appartatmenti lit-turisti, mingħajr ma jkunu kisbu l-liċenzji kollha li suppost tikseb meta tkun se tikri akkomodazzjoni.

U forsi bir-raġun dan l-inkwiet, hekk kif skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika n-numri ta’ turisti li qagħdu f’akkomodazzjoni li mhix kollettiva żdiedu bil-qawwi. Minn Jannar sa Ġunju, 272,892 turist qagħdu f’akkomodazzjoni li mhix kollettiva, żieda ta’ 90,859, mill-182,123 turist fl-2017.

Ma kinux biss it-turisti li qagħdu f’appartamenti mikrijin u proprjetajiet oħra li żdiedu, imma wkoll in-numru ta’ ljieli li dawn qattgħu f’din l-akkomodazzjoni.

Minn 1.57 miljun lejl fl-2017 fl-ewwel sitt xhur tas-sena għal 2.26 miljun lejl sa Ġunju ta’ din is-sena.

Minkejja dawn iż-żidiet, il-lukandi u akkomodazzjoni kollettiva (lukandi, guest houses, b&b...) ma baqgħux b’xejn b’żieda qawwija fin-numru ta’ turisti u żieda fl-iljieli.

Minn 697,850 turist f’akkomodazzjoni kollettiva minn Jannar sa Ġunju tal-2017 għal 792,211-il turist fl-2019. Din hija żieda ta’ 94,361.

Dan juri illi minkejja li qed jiżdiedu dawk li jiġu Malta u ma joqogħdux f’lukandi, is-settur tal-akkomodazzjoni kollettiva jibqa’ b’saħħtu ħafna.

Is-swieq ‘tradizzjonali’ b’saħħithom imma kkalmaw

Jekk wieħed iħares lejn l-istess ċifri jara illi s-swieq tradizzjonali ta’ turisti li jiġu pajjiżna, minkejja li baqgħu l-akbar batew xi ftit. Dan ħlief għas-suq Franċiż.

Is-suq Ingliż baqa’ l-aktar b’saħħtu b’288,794 turist jiġu pajjiżna fl-ewwel sitt xhur tas-sena. Dan huwa kważi 40,000 turist iktar mill-2017, imma 3,100 inqas mis-sena l-oħra.

Ftit inqas minn 100,000 turist Ġermaniż ġie pajjiżna fl-istess perjodu ta’ żmien, preċiżament 99,587. Minkejja li din hija żieda ta’ 14,000 turist mill-2017, timmarka tnaqqis ta’ 11,400 turist mill-2018.

Is-suq Taljan, it-tieni l-akbar suq wara r-Renju Unit, ukoll baqa’ kbir għalkemm b’170,646, naqqas 4,100 mis-sena 2018.

L-uniku suq li sfida għal din ix-xejra żgħira ’l isfel kienet is-suq Franċiż li baqa’ jiżdied biex minn 76,789 turist fl-ewwel nofs tal-2017, din is-sena ġew 105,842 jew żieda ta’ 29,000.

B’kollox fl-ewwel sitt xhur tas-sena ġew pajjiżna 1.2 miljun turist li huwa żieda ta’ 217,886 mill-2017 u żieda minima mill-2018.

More in Politika