Il-Kummissarju tal-Istandards jiftħilha kontra l-użu tad-DOI għal stqarrijiet partiġġjani

Hu kien qed jirreferi għall-lment mill-Avukat Andrew Borg Cardona kontra stqarrija mill-Ministru Konrad Mizzi

George Hyzler, Kummissarju tal-istandards
George Hyzler, Kummissarju tal-istandards

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ħareġ rapport li jgħid li ministri u d-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) m’għandhomx joħorġu stqarrijiet għall-istampa li mhumiex marbuta ma’ materji uffiċjali jew li huma miktubin b’ton partiġġjan.

Ir-rapport tal-Kummissarju George Hyzler jittratta dwar stqarrija għall-istampa maħruġa mill-Ministeru għat-Turiżmu permezz tad-DOI fis-6 ta’ Frar 2019. L-istqarrija qalet li l-Ministru Konrad Mizzi kien qiegħed jirtira numru ta’ kawżi ta’ libell li huwa kien fetaħ biex jikkontesta allegazzjonijiet kontra tiegħu dwar ħasil ta’ flus, billi dawn l-allegazzjonijiet kienu diġà ġew iddikjarati bla bażi mill-qrati.

Il-Kummissarju għall-Istandards ikkunsidra dan il-każ wara li rċieva ilment dwar l-istqarrija mingħand l-avukat Andrew Borg Cardona.

Fir-rapport tiegħu, il-Kummissarju jasal għall-konklużjoni li l-istqarrija għall-istampa tittratta kwistjoni politika li toħroġ mill-interessi personali tal-Ministru Mizzi, u li mhijiex marbuta mad-dmirijiet uffiċjali tiegħu.

"Il-Ministru Mizzi fetaħ il-kawżi ta’ libell f’ismu, u kieku ma rtirahomx u nqatgħu favur tiegħu kien jirbaħ id-danni hu personalment. Barra minn dan, l-istqarrija hija miktuba b’ton partiġġjan. Fost affarijiet oħra l-istqarrija takkuża membri tal-oppożizzjoni li nisġu xibka ta’ qerq  u li tefgħu t-tajn."

Il-Kummissarju qal li hu tal-fehma li lingwaġġ bħal dan mhux xieraq biex jintuża fi stqarrijiet uffiċjali maħruġa mid-DOI. "Il-Kummissarju tal-fehma wkoll li l-prattika li stqarrijiet bħal din jintbagħatu lid-Dipartiment tal-Informazzjoni, sew jekk l-istqarrija tkun dwar materja li tinteressa lill-pubbliku (b’kuntrast ma’ materja fl-interess pubbliku) u sew jekk ma tkunx, u sew jekk din il-prattika hix stabbilita jew le fis-sistema politika Maltija, mhix prattika tajba u għandha tieqaf," qal Hyzler.

 Fl-istess waqt il-Kummissarju rrikonoxxa li fin-nuqqas ta’ policy bħal din il-Ministru Mizzi seta’ ġie żvijat.

Il-Kummissarju kkonkluda li fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, ir-rimedju xieraq hu li l-Ministru jagħti struzzjonijiet lill-uffiċjali tiegħu biex ikunu aktar sensittivi lejn id-distinzjoni bejn materji uffiċjali u materji privati jew partiġġjani, "u biex fil-futur ma jużawx id-DOI in konnessjoni ma’ materji privati u partiġġjani."

Fir-rapport tiegħu l-Kummissarju jgħid li l-Ministru Mizzi aċċetta li għandu jieħu din l-azzjoni. Għalhekk il-Kummissarju qiegħed jagħlaq il-każ.

More in Politika