Il-President Vella jgħid li Repubblika qed jgħawġu l-fatti

Fi stqarrija llum il-President George Vella giddeb lil Repubblika u qal li mhux talli rrikonoxxa l-proposti tal-għaqda talli kien lest jiddiskutihom

George Vella, il-President ta' Malta
George Vella, il-President ta' Malta

F'risposta għall-istqarrija ta' Repubblika lbieraħ il-President George Vella qal li filwaqt li l-għaqda in kwistjoni għandha kull dritt tagħti l-opinjoni tagħha, m'għandhiex dritt tgħawweġ il-fatti. 

Vella qal li hu rrikonoxxa l-proposti ta' Repubblika, kellu risposta mingħand Marion Pace Asciak (il-Kelliema ta' Repubblika) u kien lest jiltaqa' ma' din l-għaqda, minkejja li lbieraħ dawn qalu li Vella lanqas qatt ma rrikonoxxa l-proposti tagħhom. 

                                         Ara hawn x'qalu fl-istqarrija tagħhom Repubblika dwar ir-riforma Kostituzzjonali

Vella qal li hu ma rċieva l-ebda proposti mingħand Repubblika lbieraħ, kif qalet l-istqarrija. "Dan huwa tgħawwiġ tal-verità," sostna filwaqt li qal illi l-aħħar li rċieva proposti kien nhar il-15 ta' Marzu li għaddew. 

Fl-istess ġurnata huwa bagħat jgħarraf li rċieva dawn il-proposti u qal li minħabba li ma kienx fl-uffiċċju ma setgħax jiddiskutihom. Wiegħed iżda li jkun lest jiddiskuti ladarba jkun lura l-uffiċċju. 

Huwa qal li Marion Pace Asciak irringrazzjatu tar-risposta pronta u qaltlu li kienu qed jistennew bil-ħerqa biex jiltaqgħu miegħu u jiddiskutu.

"Daqshekk kredibbli," qal il-President tar-Repubblika.

'Ittra li għamlet ħafna ħsara lill-Uffiċċju tal-President' - Repubblika

Intant Repubblika wieġbu u qalu illi l-istqarrija tal-President hija diżgustanti u żbaljata fuq il-fatti. Huma qalu li hu kien wiegħed li se jiddiskuti ladarba jkun President. Imma wara li sar President baqa' m'għamilx kuntatt magħhom. 

"Meta baqa' ma kien hemm ebda kuntatt," qalet l-istqarrija. "Il-President għandu jiċċekkja l-ktieb ħdejn ir-reception fejn iffirmat Marion Pace Asciak." 

"L-istqarrija għawġet il-fatti u mhux informata għamlet ħafna ħsara lill-kredibilità lill-Uffiċċju tal-President." 

More in Politika