Stagno Navarra magħżul bħala l-kelliem tal-Air Malta

Stagno Navarra kkonferma dan l-irwol u qal li se jkun qed jirriżenja mill-irwoli ta' konsulenza li għandu ma' Transport Malta u fl-Uffiċċju tal-PM

Il-preżentatur tal-programm ‘Pjazza’ fuq ONE, Karl Stagno Navarra, ġie ngaġġat bħala Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Linja Nazzjonali tal-Ajru.

F’kummenti ma’ The Malta Independent, kelliem għall-Air Malta kkonferma li Stagno Navarra kien magħżul, “wara proċess diliġenti ta’ għażla,” bħala Kap tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fost oħrajn.

Stagno Navarra kkonferma wkoll dan l-impjieg u mal-istess ġurnal saħaq li rriżenja mill-irwol li kellu mal-Malta Enterprise u se jkun qed jirriżenja wkoll mill-irwoli ta’ konsulent li għandu kemm ma’ Transport Malta u anke fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Mistoqsi dwar il-programm ‘Pjazza,’ Stagno Navarra ma wera l-ebda intenzjoni li jieqaf jippreżenta u li dan għadu ma ġiex diskuss.

F’rapporti oħra, kien intqal li Stagno Navarra se jkollu paga ta’ €90,000 fis-sena. Dwar dan, l-Air Malta saħqet li Stagno Navarra se jkun qed jitħallas skont il-gradi tal-pagi tal-kumpanija.

More in Politika