'Dan il-bini kbir wisq għal ftit studenti'; Bedingfield jisħaq kontra l-estensjoni tal-AUM f'Bormla

Id-Deputat Bormliż jisħaq li ma jaqbilx li jinbena kull spazju miftuħ madwar il-Baċir

 

‘Dan il-bini kbir wisq għall-ftit studenti u se jkun qed jgħatti d-daħla tal-Isla.’ Hekk stqarr id-Deputat Bormliż Glenn Bedingfield dwar l-estensjoni tal-Kampus tal-Università Amerikana fil-Baċir Numru 1.

Fuq Facebook, Bedingfield kiteb li ma jaqbilx li jinbena kull spazju miftuħ madwar il-Baċir.

“Il-binjiet eżistenti għandhom ikunu biżżejjed għall-AUM,” saħaq Bedingfield b’referenza għall-ammont żgħir ta’ studenti li din attirat sa issa.

Fl-aħħar ġimgħat, anke f’kummenti mal-ILLUM, Bedingfield oppona wkoll il-bini ta’ dormitorju fuq is-sit fejn kien hemm il-parkeġġ tat-Tarzna, qabel tidħol l-Isla.

Bedingfield kien ippropona żewġ siti alternattivi għad-dormitorju tal-AUM f’Bormla, jiġifieri fil-Fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara u l-Palazz tal-Kaptan tal-Galjuni fix-xatt tal-Birgu

Mal-ILLUM Bedingfield stqarr illi pjanijiet attwali għad-dormitorju tal-AUM f’Bormla se jkunu qegħdin jieħu l-uniku spazju miftuħ u anke l-unika żona ta’ parkeġġ għas-Sengleani u l-Bormliżi.

Intant, ilbieraħ ġiet posposta d-deċiżjoni tal-PA dwar id-dormitorju tal-AUM f'Bormla, bl-iżviluppaturi jintalbujippreżentaw applikazzjoni separata dwar il-bini tad-dormitorju ġdid fi Triq San Pawl f'Bormla.

More in Politika