Titwaqqaf Awtorità li se tirrevedi l-liġijiet li jirregolaw l-industrija tal-bini u tal-kostruzzjoni

L-Aġenzija se tiġbor fiha l-Uffiċċju għar-Regolazzjoni tal-Bini, il-Bord tal-Bennejja u l-Bord għar-Regolazzjoni tal-Bini

Ġie ppubblikat Avviż Legali li bis-saħħa tiegħu se tkun qed titwaqqaf l-Aġenzija tal-Bini u tal-Kostruzzjoni.

Din l-aġenzija se tkun qed tirrevedi l-leġiżlazzjoni li se tirregola l-industrija tal-bini u tal-kostruzzjoni.

“L-aġenzija ser tkun qed tħejji, timplimenta u tikkomunika dawn il-politiki l-ġodda filwaqt li titkellem u tikkonsulta mad-diversi stakeholders,” saħaq il-Ministeru għat- rasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali

Il-Ministru Ian Borg saħaq li l-Gvern irid jiżgura li  l-industrija tal-bini u tal-kostruzzjoni tiġi rregolata b’mod uniformi u b’direzzjoni ċara.

“Bdejna x-xogħol is-sena l-oħra meta ressaqna l-White Paper għat-twaqqif tal-Malta Construction and Building Authority,  u għamilna konsultazzjoni ma’ dawk kollha interessati. It-twaqqif ta’ din l-aġenzija kien il-pass li jmiss qabel finalment inwaqqfu l-Awtorità fiż-żmien li ġej,” saħaq Borg.

L-Aġenzija se tkun qed tikkonsolida d-diversi entitajiet li jeżistu sal-luml, fosthom l-Uffiċċju għar-Regolazzjoni tal-Bini, magħruf bħala BRO, il-Bord tal-Bennejja u l-Bord għar-Regolazzjoni tal-Bini, magħruf bħala BRB, taħt awtorità waħda.

Din l-Awtorità ser tkun qiegħda taħdem mhux biss fuq  l-aspett tal-bini waqt il-kostruzzjoni izda anke l-performance tal-bini ġaladarba jitlesta u jibda jopera.

More in Politika