Ftit iktar minn 78,000 persuna qed jgħixu b'inqas minn €9,000 fis-sena

Ir-rapport SILC 2018 juri kif il-pensjonanti, persuni bla xogħol u ġenituri li qed irabbu t-tfal waħedhom jibqgħu l-aktar vulnerabbli u l-aktar f'riskju ta' faqar

78,685 persuna jew 16.8% jaqilgħu inqas minn €8,868 fis-sena
78,685 persuna jew 16.8% jaqilgħu inqas minn €8,868 fis-sena

 

Skont l-aħħar rapport ippubblikat u magħruf bħala L-Istatistika Ewropea dwar il-Kundizzjonijiet tal-Għixien u d-Dħul (SILC) in-numru ta' dawk il-familji/individwi li qed jgħixu b'inqas minn €8,868 kien ilaħħaq 78,685 persuna fl-2018. Dan jirrapreżenta 16.8% tal-popolazzjoni u allura żieda ta' 0.1% mis-sena ta' qabel. 

L-akbar persentaġġ ta' persuni f'riskju ta' faqar (bla tfal) kienu ġejjin minn djar fejn tgħix persuna anzjana waħedha (28.4%). It-tieni l-akbar persentaġġ kien fost koppja fejn mill-inqas persuna waħda hija pensjonanta (25.5%) u finalment fid-djar fejn  tgħix persuna waħedha li mhux pensjonanta (24.1%). 

L-akbar persentaġġ ta' persuni f'riskju ta' faqar (bit-tfal) kienu dawk li qed irabbu tfal waħedhom (single-mother/father). Fil-fatt 48.6% ta' dawn jinsabu f'riskju ta' faqar. Dawn huma segwiti minn familji fejn hemm tliet itfal jew aktar b'rata ta' 27.3%. 

B'59.6%, l-aktar li huma f'riskju ta' faqar huma persuni li 'għandhomx impjieg. Minkejja dan 6.4% xorta jinsabu f'dan ir-riskju għalkemm jinsabu f'impjieg. Intant 23.7% ta' dawk li qed jgħixu bil-pensjoni jinsabu f'riskju ta' faqar. 

Dan filwaqt li d-dħul gross medju għal kull dar f'pajjiżna kien ta' €33,573 fis-sena, filwaqt li l-qligħ disponibbli kien f'medja ta' €27,830. Il-biċċa l-kbira ta' dan id-dħul, jew inkella 76.5% kien ġej minn impjieg, filwaqt li 18.8% kien ġej minn benefiċċji soċjali. Il-bqija tad-dħul kien ġej minn sorsi oħrajn, fosthom kiri ta' proprjetà.

Fl-2018 imbagħad kien hemm tnaqqis fin-numru ta' nies li kienu materjalment deprivati u li allura kienu neqsin mill-aktar affarijiet bażiċi. It-total ta' dawn kien 3%, jew 0.3% inqas mill-2017.

"il-familji qed ibatu quddiem Gvern li ma żammx kellmtu li jeradika l-faqar"

Fid-dawl ta' dan kollu il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal, "din hija turija oħra ċara li l-Gvern Laburista jinsab ferm 'il bogħod milli jżomm mal-wegħda li kien għamel fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 meta ftaħar li kien se jeradika u jeqred għal kollox il-faqar f'Malta. Minflok fl-aqwa żmien, l-istatistika qed turi li f'pajjiżna hawn kważi 80,000 persuna li għandhom dħul baxx u taħt il-linja tal-faqar, u dan b'żieda fuq is-sena ta' qabel. 16.8% tal-Maltin u l-Għawdxin qegħdin ibatu. "

Skontu, "huwa l-Gvern stess li qiegħed jgħabbi lill-familji bil-piżijiet u qegħdin jispiċċaw iġorru l-piż tort tal-Gvern li tilef kull sens ta' ġustizzja soċjali. Dan meta qegħdin jaraw żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-fuels, u dan fi żmien meta l-prezz internazzjonali taż-żejt ra tnaqqis 'l isfel f'dawn l-aħħar snin."

Il-PN għamel referenza wkol lejn iż-żidiet fil-prezzijiet li tħabbru dan l-aħħar. "Il-familji raw ukoll żidiet fi prodotti oħrajn essenzjali fosthom dawk tal-ikel u tal-ħalib. Dawn iż-żidiet qegħdin iġorruhom il-ħaddiema u l-familji mentri l-Gvern moħħu biss li jiftaħar bl-ekonomija. Mhux biss żdied il-faqar, iżda l-middle class mhix tlaħħaq mal-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-ikel u tal-prodotti essenzjali. Il-verità hi li dan huwa Gvern li tilef il-boxxla soċjali u li ma żammx kellmtu li jeradika l-faqar," temmet tgħid l-istqarrija.

"Il-Gvern qed jeqred il-faqar li żied il-Partit Nazzjonalista"

Intant fi stqarrija reattiva il-Partit Laburista qal li, "Kien ikun iktar għaqli kieku qabel tkellem dwar il-faqar il-Partit Nazzjonalista ra x’inhu r-rekord tiegħu. Fl-aħħar ħames snin tiegħu Gvern Nazzjonalista żied il-persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali b’21,000. Fl-ewwel ħames snin ta’ dan il-gvern il-persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqqsu bi 13,000 persuna."

"Dan meta l-miżuri tal-baġits 2018 u 2019 għad iridu jkunu kkunsidrati, peress li s-SILC ippubblikat illum jitkellem dwar id-dħul tal-2017. Il-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun kredibbli meta juri li jew ma jafx jaqra l-istatistika jew irid iqarraq,"saħaq il-PL.

Fl-aħħar nett huwa qal li, "ftit kliem il-Gvern tal-lum qed jeqred il-faqar li żiedu Gvernijiet Nazzjonalisti.Dan qed jagħmlu billi jnaqqas il-piżijiet fuq il-familji Maltin u Għawdxin u billi jinċentiva x-xogħol u l-bżulija. Politika li ħalliet il-frott u se tkompli tagħti r-riżultati."

 

More in Politika