Ftehim bejn il-Gvern u l-FSWS b'rabta mar-riforma tal-kannabis

Fost oħrajn se tkun qed tingħata għajnuna ta' €400,000 lill-FSWS biex tkompli teduka fl-iskejjel kontra l-abbuż mid-droga u mis-sustanzi

Illum ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, b’rabta mar-riforma tal-kannabis.

Il-ftehim mifrux fuq sentejn se jkun qed ikopri għajnuna finanzjarja ta’ aktar minn €400,000 lill-FSWS biex permezz tal-Aġenzija Sedqa tkun tista’ tkompli l-ħidma tagħha fl-iskejjel kontra l-abbuż mid-droga u mis-sustanzi.

Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari spjega kif dan se jkun qed isir permezz tal-programm TFAL 5 (tfal favur ambjent liberu) li s’issa diġà tmexxa bħala proġett pilota fejn laħaq ħames mitt tifel u tifla fi skejjel tal-Knisja u indipendenti.

Sal-aħħar tal-2020, b’dan il-programm, se jkunu ntlaħqu mal-ħamest elef student u studenta.  

Bil-ftehim li ġie ffirmat, l-FSWS se tkun tista’ tixtri vettura mobbli biex tintuża f’attivitajiet differenti fost il-pubbliku bil-għan li twassal messaġġi pożittivi.

Apparti dan, se jkunu qed isiru diversi pubblikazzjonijiet biex jitqassmu fl-iskejjel flimkien ma’ logħob edukattiv kif ukoll sessjonijiet fi skejjel sekondarji u attivitajiet fil-komunità li jagħtu aktar viżibilità.

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li dan il-ftehim hu frott xhur ta’ diskussjonijiet u ta’ ħidma li ilhom għaddejjin bejn iż-żewġ naħat. Irringrazzjat lill-FSWS għall-impenn li dejjem uriet f’din l-ewwel parti tar-riforma tal-kannabis li għandha l-għan li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-abbuż mid-droga.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal li permezz ta’ dan il-ftehim il-Gvern flimkien mal-FSWS qed juri l-impenn tiegħu li “r-riforma tal-kannabis issir b’mod fejn kulħadd, speċjalment it-tfal u l-adoloxxenti, ikun infurmat bl-aħjar mod possibbli.”

Temm jgħid li din il-ħidma se ssib l-appoġġ kollu meħtieġ sabiex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-abbuż mid-droga u minn sustanzi oħra.

More in Politika