Maġistrat titlef il-paċenzja wara li każ ta' vjolenza domestika spiċċa quddiemha wara sitt xhur

Sadanittant l-akkużat li huwa Surġent tal-Pulizija u anke l-vittma baqgħu jgħixu fl-istess dar 

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tilfet il-paċenzja mal-Prosekuzzjoni f’każ ta’ vjolenza domestika u dan wara li każ ġie quddiemha sitt xhur wara li seħħ u sadanittant l-akkużat u l-vittma kienu għadhom qed jgħixu flimkien.

“Qed titlob lill-Qorti ordni ta’ protezzjoni meta l-akkużat u l-vittma ilhom sitt xhur jgħixu flimkien wara li seħħ il-każ?” staqsiet il-Maġistrat lill-Prosekuzzjoni.

Hubert Cini, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni saħaq li ma setgħux imexxu qabel minħabba burokrazija żejda iżda l-Maġistrat reġgħet wieġbet u staqsiet: “Kif tista’ tistenna sitt xhur biex takkuża lil xi ħadd bi vjolenza domestika? Kif tista’ l-Qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni meta l-akkużat għadu jgħix mal-vittma?”

Illum xehdet il-vittma li saħqet kif l-aħħar sitt xhur kienu għaliha infern waqt li spjegat kif l-akkużat, li huwa Surġent tal-Pulizija, kontinwament jinsulentaha u għaliha dan mhu xejn għajr abbuż mentali.

“Din mhux ir-raġuni għalfejn qiegħda hawn illum,” wieġbet il-Qorti. “Ir-raġuni hija l-każ ta’ vjolenza domestika li seħħ fi Frar.”

Il-vittma kienet irrapportat lill-Pulizija wara ġlieda li kellha mar-raġel tagħha li allegatament refa’ jdejh fuqha u spiċċat bi grif f’wiċċha u anke f’għonqha.

It-tabib Patrick Galea ppreżenta fil-Qorti żewġ ritratti tal-ġrieħi ħfief li kellha l-mara.

L-Avukat tad-Difiża, Alfred Abela, staqsa lit-tabib jekk jafx lill-vittma, bit-tabib iwieġeb fin-negattiv iżda aktar tard il-vittma xehdet li kienet taf lit-tabib għax kienet taħdem fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid.

Qalet ukoll li huma ħbieb fuq Facebook u li marret għandu wara l-ġlieda għax xtaqet tabib li tista’ tafda.

L-akkużat qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

“Qajjimt lir-raġel mir-raqda biex nieklu. Kien għadu kemm ta kastig lill-ibni għax kellu xi jgħid ma’ oħtu u għax beżaqli. Kif qam beda jgħajjat miegħu u beda jinsisti miegħu biex imur joqgħod fir-rokna,” spjegat il-vittma. “Meta għidtlu biex jieqaf, għax it-tifel kien qed jibki u jgħajjat, qalli biex ma nindaħalx u għajjarni pulċinella u demel.”

Spjegat kif wara li għajjat magħha ma kinitx qed tkellmu u ma bdietx tirrispondih u ma tagħtihx wiċċ. Kien hawn li skontha, qabadha mill-għonq tal-ġakketta u girifha.

Mistoqsija mill-Qorti, il-mara qalet li jista’ jkun il-każ li girifha bi żball

Il-vittma rrapportat il-każ jumejn wara. Saħqet li ma rrapportatx mill-ewwel għax ir-raġel beda jheddida biex ma tirrapportax.

Hija uriet fil-Qorti ritratti minn fuq il-mowbajl tal-grif li kellha, bil-Maġistrat tinnota li r-ritratti ttieħdu f’ħinijiet differenti, wieħed minnhom l-għada tal-każ.

Hija spjegat kif għamlet dan għax l-għada l-grif kien aktar viżibbli.

“Jiena mhux qiegħda hawn minħabba l-grif. Qiegħda hawn minħabba l-ħsara mentali li soffrejna jiena u t-tfal tiegħi,” saħqet il-vittma.

“Dik mhijiex l-akkuża li jiena għandi quddiemi,” dlonk weġbitha l-Maġistrat. “L-akkużat mhux qed ikun akkużat b’abbuż mentali.”

Intant il-Qorti wissiet liż-żewġ partijiet biex ma jitkellmux ma' xulxin fid-dar.

“Inti għandek tkun taf aktar kif tikkontrolla r-rabja tiegħek,” qalet il-Maġistrat lill-akkużat. “Dejjem hekk għamilt,” weġibha.

More in Politika