Din il-ġimgħa se jkunu implimentati regoli ġodda għall-operaturi tad-deckchairs fl-Għadira

Konrad Mizzi jgħid li l-poplu se jerġa' jkollu aċċess xieraq tul il-bajja kollha

 

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar li ġew iffinalizzati d-diskussjonijiet mal-operaturi tal-umbrelel u deckchairs gewwa l-Għadira.

"Permezz ta' din il-bidla pożittiva, il-poplu wara ħafna snin mistenni li fl-aħħar igawdi minn aċċess xieraq tul il-bajja kollha," saħaq il-Ministru.

Huwa qal li l-implimentazzjoni se tkun qed issir din il-ġimgħa stess, b'aktar informazzjoni se tingħata fil-ġranet li ġejjin.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru Konrad Mizzi qal li s-sitwazzjoni fl-Għadira hija inaċċettabbli għax il-familji ma jistgħux igawdu l-bajja kif iridu.

Huwa kien akkuża lill-eks Ministru Nazzjonalista Jason Azzopardi u saħaq li ftit jiem qabel l-elezzjoni tal-2013 għadda konċessjoni lill-operaturi tal-umbrelel u s-sunbeds fl-Għadira biex ikunu jistgħu jifirxu kemm iridu fuq il-bajja għal 15-il sena sħaħ.

Azzopardi kien ċaħad dan. 

More in Politika