Triq Buqana miftuħa mill-ġdid; Dalwaqt jibda x-xogħol fuq il-pont ta' Wied il-Qliegħa

Dan l-investiment ta’ €3.6 miljun jinkludi t-twessigħ ta’ din it-triq biex tiżdied korsija ġdida fid-direzzjoni mill-Imtarfa lejn il-Mosta

Infrastructure Malta fetħet mill-ġdid il-korsija tan-nofsinhar ta’ Triq Buqana, fid-direzzjoni mill-Mosta lejn l-Imġarr u l-Imtarfa, hekk kif dan il-proġett issa daħal fl-aħħar fażi tiegħu.

Dan l-investiment ta’ €3.6 miljun jinkludi t-twessigħ ta’ din it-triq biex tiżdied korsija ġdida fid-direzzjoni tat-tramuntana, mill-Imtarfa lejn il-Mosta, u korsija ġdida għar-roti fl-istess naħa.

Ir-roundabouts li hemm fit-truf ta’ din it-triq ukoll qed jinbnew b’disinn ġdid b’korsiji aktar sikuri kemm tal-karozzi kif ukoll tar-roti. L-aġenzija qed terġa’ tibni wkoll il-pont ta' Wied il-Qliegħa (Chadwick Lakes).

L-istruttura tal-pont il-qadim ta’ Wied il-Qliegħa kienet forma t’arkata bil-ġebla tal-franka li mbagħad kienet twessgħet billi saritilha gverta oħra bil-konkos maġenbha biex takkomoda t-tieni korsija.

Il-pont il-ġdid  se jkun wiesgħa 18-il metru biex minn fuqu jgħaddu t-tliet korsiji għall-karozzi u l-korsija għar-roti.  Il-gverta tiegħu hi mibnija fuq għaxar travi tal-konkos b’tul ta’ madwar 10.5 metri, b’kull wieħed tqil 13.6 tunnellati.

L-istruttura l-qadima kienet isserraħ fuq pilastru mibni f’nofs Wied il-Qliegħa, minn fejn jgħaddi l-ilma tax-xita. Il-periti ta’ Infrastructure Malta ddisinjaw il-pont il-ġdid b’mod li ma jkollux bżonn din il-binja f’nofs il-wied u b’hekk l-ilmijiet se jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin b’mod naturali mingħajr ebda xkiel.

Bħala parti mill-proġett, l-aġenzija qed tnaddaf ukoll is-sodda tal-wied taħt il-pont minn skart u materjal ieħor li nġemgħu f’dawn l-inħawi matul is-snin.

Il-proġett ta’ Triq Buqana huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF)

More in Politika