Minn miżbla għal park naturali disa' darbiet akbar mill-Istadium Nazzjonali

Wied Fulija fiż-Żurrieq se jkun qed jinbidel f'park naturali sa Diċembru tas-sena d-dieħla

Wied Fulija, miżbla dilapidata li ma tintużax fiż-Żurrieq se tkun qed tiġi rijabilitata u mibdula f’park naturali.

Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Ambjent José Herrera ddikjara li “dan il-proġett mhux biss se jnaqqas it-tniġġis imma l-iżvilupp mill-ġdid u t-tisbiħ ta’ dan is-sit se jtejbu wkoll l-ambjent naturali tal-madwar.

Semma kif dan il-proġett se jipprovdi lill-komunità park naturali b’żona ekwivalenti għal 9 darbiet id-daqs tal-Istadium Nazzjonali.

Ix-xogħlijiet bdew f’Marzu 2019 bil-għan li sa Diċembru 2020 jitlesta l-proġett.

Il-Ministru Herrera ħabbar li mal-45,000 siġra matura u arbuxelli indiġeni se jitħawlu fis-sit.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li dan il-gvern qed jagħmel użu minn diversi programmi ta’ fondi tal-Ewropa sabiex isiru proġetti li jipproteġu l-ambjent naturali u marittimu kif ukoll il-kwalità tal-ilma.

Dan il-proġett se jiswa madwar €4 miljun.

Is-sit beda jintuża bħala miżbla lura fl-1979 u ma baqax jaċċetta l-iskart fl-1996.

Is-sit ikopri madwar 95,000 metru kwadru u hu stmat li matul il-perjodu operattiv ġew depożitati madwar 1.85 miljun tunellata ta’ skart.

Huwa stmat li waqt li s-sit kien attiv, kull tip ta’ skart, inkluż skart perikoluż, ġie mormi f’din il-miżbla. Maż-żmien beda jitkaxkar l-iskart u jinxtered mal-irdum bil-konsegwenza li jispiċċa fil-baħar u s’issa m’hemm l-ebda sistema fis-seħħ biex tipprevjeni dan l-impatt detrimentali.

Il-Wasteserv bdiet timplimenta strateġija intensiva sabiex tnaqqas it-tixrid ta’ skart fil-baħar u tillimita tniġġis ieħor.

More in Politika