69% tal-Maltin jemmnu li hemm bżonn ta’ titjib biex il-midja tkun aktar libera

95% tal-Maltin iħossu illi hija essenzjali jew importanti li l-midja u l-ġurnalisti jkunu jistgħu jikkritikaw lill-Gvern 

Minkejja li xi kultant jidher illi hawn bruda u antipatija lejn il-midja, b’kummenti fuq il-midja soċjali li jkunu ferm kritiċi, stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea juri illi l-Maltin jifhmu l-irwol tal-ġurnalist, fost l-aktar fl-UE fil-fatt. Dan apparti li huma fost l-aktar li japprezzaw il-pluraliżmu fix-xandir u allura għażla wiesgħa ta’ sorsi minn fejn tista’ ġġib l-aħbarijiet.

L-istħarriġ juri illi 95% tal-Maltin iħossu illi hija essenzjali jew importanti li l-midja u l-ġurnalisti jkunu jistgħu jikkritikaw lill-Gvern jew l-interessi ekonomiċi mingħajr riskju ta’ intimidazzjoni. Min-naħa l-oħra, 69% jemmnu illi hemm bżonn titjieb il-libertà tal-midja mingħajr biża’ ta’ intimidazzjoni. 24% jaħsbu li jista’ jkun li hemm bżonn ta’ titjib fil-libertà tal-midja u l-ġurnalisti.

L-iktar pajjiż illi fih il-libertà tal-midja hija meqjusa bħala xi ħaġa importanti hija l-Iżvezja, fejn 82% jħossu li l-libertà tal-media u ġurnalistika hija importanti. Min-naħa l-oħra, b’74% iċ-Ċiprijotti huma l-aktar nies li jemmnu li hemm bżonn titjib f’dan ir-rigward.

L-inqas pajjiż li jaħseb illi l-libertà tal-ġurnalist hija importanti huwa l-Kroazja b’35% segwit mir-Rumanija bi 30% u r-Repubblika Ċeka bi 30% wkoll.

L-inqas li jaħsbu li hemm bżonn titjib fil-protezzjoni tal-ġurnalist, probabilment għaliex il-midja hija protetta ħafna, huma l-Finlandiżi bi 18%, l-Olandiżi bi 18% wkoll u d-Daniżi b’14%.

Intant, 55% tal-Maltin jemmnu li l-pluraliżmu fix-xandir huwa esssenzjali, filwaqt li 40% jaħsbu li huwa importanti, b’65% tal-Maltin jemmnu li għandu jsir titjib f’dan il-qasam. L-aktar pajjiż illi fih in-nies jemmnu li hemm bżonn isir titjib fil-pluraliżmu u allura li jkun hemm sorsi differenti ta’ aħbarijiet huwa Ċipru, b’70%.

Għall-Maltin il-libertà tas-soċjetà ċivili hija importanti wkoll

Dawn l-aħħar snin nibtu diversi għaqdiet li jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern dwar suġġetti varji, primarjament il-korruzzjoni u l-ambjent. Minkejja kritika li ġieli ssir, 56% tal-Maltin jemmnu li huwa essenzjali li l-pajjiż ikollu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw b’libertà u jikkritikaw lill-Gvern jew l-interessi ekonomiċi (kumpaniji eċt...).

Iktar minn Malta hemm pajjiż wieħed biss, l-Iżvezja bi 62%.

Iċ-Ċeki huma l-inqas nies li jaħsbu illi dawn l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili huma importanti, b’24% biss jagħtuhom importanza.

Iċ-Ċiprijotti, mill-ġdid, huma l-aktar li jemmnu illi hemm bżonn li tiżdied il-libertà tas-soċjetà li trid issemma leħinha, bi 68%. L-inqas huma d-Daniżi b’14%.

Il-Qorti: il-Maltin mhumiex kuntenti sa barra

Intant Malta hija fuq quddiem ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-Pulizija u l-ġustizzja, u forsi mhux dejjem għal raġunijiet tajbin.

Kważi tliet kwarti tal-poplu (74%) jemmnu li jista’ jsir titjib fl-investigazzjoni tal-Pulizija fuq atti kriminali, inkluż dawk li saru minn politiċi. L-aktar li jemmnu li jeħtieġ isir titjib huma ċ-Ċiprijotti b’87% u l-inqas id-Daniżi b’16%.

Skont dan is-sondaġġ, 70% tal-poplu jemmen li jrid ikun hemm titjib fuq l-aspett tal-indipendenza tal-ġudikatura.

Min-naħa l-oħra jekk l-aspetattivi huma għoljin għall-midja, l-aspettattiva għall-politiku mhix daqstant kbira. Fil-fatt huma 41% biss li jaħsbu li huwa essenzjali li jkun hemm kodiċi għall-politiċi.

Ftit inqas, jew 67% jaraw din il-kodiċi għall-politiċi bħala importanti.

U finalment dwar il-korruzzjoni; 71% ta’ dawk li pparteċipaw fis-sondaġġ sostnew illi jħossu li huwa importanti li korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali pubbliċi tiġi investigata u dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja. 

More in Politika