Analiżi | Delia: il-vot li ma solva xejn u li ħalla bieb miftuħ lir-ribelli

Adrian Delia rebaħ vot iżda b’32% għadu l-Kap bl-akbar reżistenza interna. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn l-voti ta’ fiduċja fl-aħħar 23 sena ...

Għaddew ftit jiem u s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista kkalmat xi ftit, wara elezzjoni li fiha kien determinat il-futur ta’ Adrian Delia.

Imma għax ‘ikkalmat’ is-sitwazzjoni ifisser illi kollox sew? Ifisser li bdiet it-triq tal-fejqan?

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn ir-riżultat u tanalizza għalfejn ir-riżultat, minkejja li pożittiv, mhux xi wieħed li dwaru Delia jista’ jkanta vittorja. Nagħmlu dan bi sfond storiku ta’ voti ta’ kunfidenza li ffaċċjaw Eddie Fenech Adami, Alfred Sant u Lawrence Gonzi

Dan kien vot fi ħdan partit f’Malta mhux elezzjoni ġenerali

Il-vot tas-Sibt ma kienx vot f’elezzjoni ġenerali imma vot intern f’partit politiku f’Malta. Qed inżidu ‘f’Malta’ għaliex meta wieħed janalizza dan ir-riżultat jeħtieġ jieħu kont tar-realtà tax-xenarju politiku lokali, fejn għall-aħħar snin il-lealtà lejn il-mexxej jew il-Kap kienet prattikament assoluta.

F’kull każ riċenti ta’ vot illi fih kienet mitluba l-opinjoni tal-Kunsilliera/Delegati dwar il-Kap/Mexxej, dan dejjem rebaħ bil-kbir. Din hija riflessjoni tal-lealtà assoluta li hija mistennija mill-Kunsillieri lejn il-Kap/Mexxej.

Eddie Fenech Adami kien rikonfermat fl-1996 u Alfred Sant fl-2004, hekk kif it-tnejn, xi ftit jew wisq kienu taħt pressjoni mill-partit tagħhom stess.

Fenech Adami kien tilef elezzjoni tal-1996 li kulħadd ħaseb li se jirbaħ u allura kien beda l-ippuntar tas-swaba’. Minkejja li ħafna waħħlu f’John Dalli minħabba d-dħul tal-VAT, kien Fenech Adami stess li fl-awtobijografija tiegħu qal illi kien hemm diskors fil-partit biex jitneħħa, prinċipalment minn Louis Galea. Hu jgħid li kien iffaċċjah u qallu li hu kien lest jappoġġja suċċessur.

Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Alfred Sant ilkoll rebħu bil-kbir meta ffaċjaw vot fit-tmexxija tagħhom
Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Alfred Sant ilkoll rebħu bil-kbir meta ffaċjaw vot fit-tmexxija tagħhom

Minkejja dan, Fenech Adami baqa’ u kiseb kważi 100% f’vot li kien sar fl-Istamperija (l-antika). Dakinhar is-sala u t-triq tal-Istamperija (minn fejn tidħol għall-istudjos tat-televiżjoni llum) kienu mimlijin partitarji Nazzjonalisti li marru biex juru l-appoġġ tagħhom lil Eddie.

Alfred Sant ukoll kien għadda minn dan it-test fl-2004, meta kien se jirriżenja mbagħad baqa’. Hu kien kiseb 66% mill-voti, ftit inqas minn kemm kiseb Delia issa. Dan iżda f’kuntest tal-fatt illi sa din is-sena Sant kien diġà ilu Mexxej Laburista 12-il sena, rebaħ elezzjoni, tilef tnejn u tilef referendum (tal-UE).  

L-istess Lawrence Gonzi. Meta talab vot ta’ fiduċja fil-PN, ukoll kien taħt pressjoni kbira hekk kif il-Gvern kien qed jiġi sfidat minn Franco Debono, Jeffrey Pullicino Orlando u oħrajn. Fil-fatt għal xhur sħaħ il-Gvern Nazzjonalista, ma kienx għad fadallu maġġoranza fil-Parlament.

Dakinhar Gonzi kien kiseb 851 vot jew 96.5% tal-Kunsilliera, b’22 biss jivvutaw kontra.

Dan kollu juri illi Delia għadu qed ibati u jikkumpara mal-agħar mumenti ta’ popolarità ta’ Alfred Sant, dak iż-żmien miexi għat-tielet telfa elettorali (2008).

Għalkemm 32% huma minoranza, meta wieħed iqis dan kollu li għidna flimkien mal-lealtà mistennija fil-politika lokali, din tfisser minoranza pjuttost konsiderevoli.

Delia diġà indika li se jieħu kont ta’ dawk li vvutaw biex hu jitlaq u fil-verità ma tantx għandu għażla ħlief li jagħmel dan.

Paralleli mar-rebħa ta’ Delia fl-2017

Sa ċerta punt dan ir-riżultat jista’ jitqabbel ma’ dak tal-2017, illi fih Adrian Delia sar Kap tal-Partit Nazzjonalista. Għalfejn? Għaliex mhuwiex riżultat assolut favur Delia.

Fl-2017, wara kampanja qalila u kważi velenuża fil-Partit Nazzjonalista, Delia kiseb maġġoranza ta’ 52%, riżultat li ħalla lill-partit kważi maqsum min-nofs. Huwa vera li min jikseb il-maġġoranza għandu jmexxi, iżda 52% kien biżżejjed biex jirbaħ imma mhux biżżejjed biex jikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu bħala Kap u jkollu s-saħħa morali u politika biex imexxi.

Il-vot tas-Sibt li għadda, fost il-Kunsilliera, għalkemm kien iktar favur Delia (68%) xorta ħalla dak il-bieb miftuħ ta’ tama fost dawk li ma jridux lil Delia jibqa’. Huwa riżultat li m’għalaqx il-bibien kollha għall-possibilità li Delia jitneħħa qabel jew (iktar probabbli) wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Ir-riżultat tas-Sibt li għadda jfisser illi minkejja li s’issa dejjem rebaħ l-elezzjonijiet interni, Delia qatt ma rebaħ b’mod illi jkun f’pożizzjoni fejn it-tmexxija tiegħu jkollha l-appoġġ assolut tal-partit. 

More in Politika