Michelle. Imma mhux biss! L-imħuħ u l-qlub wara Marigold

Michelle Muscat tagħmel l-għawma annwali. Imma l-Fondazzjoni Marigold, li bdiet hi stess, hija ħafna aktar minn hekk...

 

Michelle Muscat mal-kowċ tal-għawm Anna Calleja
Michelle Muscat mal-kowċ tal-għawm Anna Calleja

Meta kamra fejn ikunu qed jitkellmu numru ta’ nies timtela b’enerġija u passjoni liema bħalha jkun sinjal ċar illi dak li qed jagħmlu dawn in-nies qed jagħmluh minn qalbhom.

U hekk hu. Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-Kap tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija Robert Xuereb u l-intraprenditur John Magro, li huma amminisraturi tal-bord ta’ Marigold, is-Segretarju Eżekuttiv ta’ Marigold, Jennifer Xuereb u d-direttur nazzjonali ta’ Special Olympics Malta u kowċ ta’ Michelle Muscat, Anna Calleja. Ilkoll jiltaqgħu għal għan wieħed u għal skop li jmur lil hinn mill-ħidma tagħhom.

Il-Fondazzjoni Marigold assoċjata ma’ mart il-Prim Ministru Michelle Muscat, li fil-fatt hija l-ko-fundatriċi tal-fondazzjoni flimkien mal-BOV, tagħmel ħafna xogħol nobbli li forsi jew kważi qatt ma nisimgħu dwaru jekk mhux relatat mal-għawma annwali tal-istess Muscat.

Il-gazzetta tisaqsi: Imma kif u għaliex din l-enerġija kollha?

Sweet 16, Pink October u aktar

U r-risposta għal din il-mistosqsija tieħu l-biċċa l-kbira tal-intervista ma’ dawn l-erbgħa min-nies li lkoll joffru l-esperjenza individwali tagħhom fil-ħidma ma’ Marigold.

Dawn kollha jfakkru lill-gazzetta ILLUM illi minflok tgħin individwi, il-Fondazzjoni Marigold tgħin għaqdiet non governattivi jew inkella inizjattivi partikolari, li mbagħad jgħinu lill-individwi huma.

Hawnhekk Xuereb telenka wħud mill-għaqdiet li qed jiġu mgħejjuna; il-Fondazzjoni Karl Vella, Caritas, l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri bi tfal bl-Awtiżmu, Victim Support Malta, Fondazzjoni Oasi, Europa Donna u aktar.

Mistoqsijin għalfejn l-għajnuna tingħata lil NGOs u għaqdiet/inizjattivi oħrajn mhux individwi, huma jagħtu diversi raġunijiet, waħda minnhom ukoll hija l-fatt li l-Fondazzjoni qed titmexxa mill-mara tal-PM u allura għajnuna lill-individwi tista’ tiftaħ il-bibien għall-kritika politika.

Il-gazzetta staqsiet ukoll dwar il-Fondazzjoni Karl Vella u x’tagħmel eżattament. Ifakkru illi din hija organizazzjoni li tgħin lit-tfal ta’ familji milqutin mill-kanċer u kien hawn li rrimarkaw kif wieħed mill-għanijiet kruċjali ta’ Marigold huwa propju biex tingħata għajnuna lill-organizzazzjonijiet li mhumiex daqstant magħrufin f’pajjiżna u allura li r-riżorsa tagħhom tkun iktar limitata.

Ilkoll huma mimlija ħeġġa biex jgħidu tagħhom u jispjegaw aktar lil min jgħinu bħala għaqdiet.

Isemmu l-kampanja edukattiva Pink October u hawnhekk jispjegaw kif din is-sena l-kampanja ta’ għarfien dwar il-kanċer tas-sider se tkun ferm ikbar.

“Għamilna wkoll il-programm Sweet 16, programm li jinvolvi persuni vulnerabbli li jgħixu f’homes u li ser jingħataw kors iffinanzjat dwar ħiliet bażiċi fil-ħajja fejn ser jitgħallmu kif jieklu, kif jilbsu, kif iġibu ruħhom u affarijiet oħrajn li forsi aħna narawhom bħala xi ħaġa normali.”

Jispjegaw kif jekk juru li huma kommessi u jagħmlu l-kors kollu, jiggradwaw fil-ballu tal-President. “Ikunu akkumapanjati minn  Michelle Muscat. Noħolqulhom dak l-ambjent ta’ fairy tale u ġieli anke Michelle tiżfen magħhom,” jgħidu.

Michelle Muscat
Michelle Muscat

‘Michelle ma tħallix il-politika tidħol fil-Fondazzjoni’

Jgħidu illi din tagħmel differenza kbira f’ħajjithom u hawnhekk iwieġbu mistoqsija preċedenti ta’ din il-gazzetta: Ma taħsbux li l-fatt li Michelle Muscat hija daqstant assoċjata mal-politika jista’ jkun negattiv fuq l-immaġini ta’ Marigold? Ma jaħsbux li jekk jinqala’ xi ħaġa fil-ħajja politika ta’ Muscat dan se jirrifletti ikrah fuq l-istess fondazzjoni? 

L-erba’ rappreżentanti, huma entużjasti biex jispjegaw kemm fil-fatt, anke meta kien hemm kwistjonijiet jaħarqu ħafna (bħall-kwistjoni ta’ Egrant u l-allegazzjonijiet fuq l-istess Muscat), Michelle Muscat żammet dak li huwa politiku lil hinn mill-Fondazzjoni.

“Aħna ma narawha xi ħaġa negattiva xejn, anzi l-preżenza tagħha tgħin biex tagħti aktar preġju lill-attività. Semmejna l-programm Sweet 16 u kif Muscat tmur mat-tfal il-ballu tal-President. Nista’ nsemmi wkoll il-ġurnata li Muscat tqatta’ ma’ persuni li qed isegwu kors il-Caritas; tmur tagħmel xirja u ssajjar magħhom u tiekol magħhom u nagħmlu ġurnata, niddiskutu u xi kultant jiftħu qalbhom magħna. Il-fatt li hija mart il-PM tgħin hux, sabiħa li mart il-PM tpoġġi u tiekol miegħek.”

“Qed naraw il-frott,” qal Magro filwaqt li jsemmi ħajjiet ta’ persuni differenti li segwew dan il-programm; “min iggradwa, min mar jgħix għal rasu..."

Magro u Xeureb jaqblu u jfakkru li kulħadd jgħin b’mod differenti. “Kull mara tal-Prim Ministru għenet kif taf hi. Forsi Muscat iżgħar u mimlija enerġija, imma kollha għenu bil-mod tagħhom.”

“Dan apparti li hija l-mutur wara l-Fondazzjoni; hi tiġi bl-ideat,  tiġri, tagħmel id-disinji u logos tal-kampanja, xi kultant tant taħdem li tgħejjina, ma tiqafx. Ara, biss biss, wara kull attività li norganizzaw, bħall-festin ta’ wara l-għawma, nerġgħu npoġġu bilqiegħda u niddiskutu xi jmiss u xi stajna għamilna aħjar u x’se nbiddlu ...”

Qed niġu mal-ewwel 10 fl-Ispecial Olympics, grazzi wkoll lil Marigold

Induru fuq Anna li sa issa kienet kwieta, tisma’ lill-oħrajn.

Jidher illi minkejja l-għajnuna kollha ta’ Marigold, l-akbar impatt kien fl-Ispecial Olympics, fejn biss biss, minn 200 parteċipant illum Malta għandha mal-1,800 parteċipant f’dixxiplini differenti.

“Nista’ nsemmi wkoll il-ġurnata li Muscat tqatta’ ma’ persuni li qed isegwu kors il-Caritas; tmur tagħmel xirja u ssajjar magħhom u tiekol magħhom u nagħmlu ġurnata niddiskutu u xi kultant jiftħu qalbhom magħna. Il-fatt li hija mart il-PM tgħin”

Kien waqt li bdiet tara lit-tfal tal-Ispecial Olympics għaddejjin bit-taħriġ li fil-fatt ħarġet l-idea tal-għawma għall-karità ta’ Michelle Muscat. “Kienet qaltli,” tibda tispjega Anna, “li qed tispira lilha nnifisha minn dak li bdew jagħmlu l-atleti tagħna u xtaqet tagħmel l-istess.”

Minn 199 pajjiż kompetitur, ħafna minnhom b’kontinġenti ta’ 300 u ġieli 400 persuna, Malta kienet fost l-aqwa 10 pajjiżi fl-aħħar Special Olympics, li saru f’Abu Dhabi.

Imma kif għenet f’din it-trasformazzjoni l-Marigold?

“Biex nagħtik eżempju, jiena kont obbligata mal-Kontiġent intella’ tabib għal kull erba’ parteċipanti. Ma’ kull 10 atleti kelli bżonn intella’ żewġ persuni li jgħinuhom, ma ninsewx li hawn qed nitkellmu fuq persuni b’diżabilità,” sostniet.

Kompliet tispjega kif l-ispejjeż ma jiqfux hemmhekk u fakkret illi biex l-atleti Maltin ma jkunux inqas minn, imma daqs ħaddieħor jeħtieġ jinxtraw golf clubs, l-ilbies, il-boċċi u aktar.

“Qed inħarsu lejn eluf f’tagħmir li jeħtieġ jinbdel kull sena,” qalet Anna. “U mhux hekk biss. Pereżempju, it-tim tal-futbol ma kkwalifikax għal-Logħob Dinji, imma kkwalifika għall-olimpjadi tal-pajjiżi ż-żgħar, bgħatnihom. Tajna opportunità lil dawk li ma telgħux il-Logħob Dinji u aktar.”

Anna tfakkar illi dawn l-affarijiet kollha jiswew il-flus u li kieku ma kinitx għall-għajnuna ta’ Marigold ma kinux isiru l-passi kbar li saru.

L-aħar testimonjanzi ġġibhom meta titkellem mal-atleti u tara l-ġid li nħoloq.

“Qed niġu mal-ewwel 10 f’kompetizzjoni, fejn is-soltu qatt ma nirbħu xejn. Hija xi ħaġa vera sabiħa,” irrimarka l-Profs Xuereb.

Magro jgħid ukoll illi grazzi għal Marigold issa l-NGOs jistgħu jiltaqgħu f’post il-Marsa, imsejjaħ ‘The Meeting Place’ fejn jistgħu mbagħad ilaqqgħu l-membri tagħhom. Post mitluq użat għal skopijiet ħżiena, illum inbidel f’post fejn qed isir tant u tant ġid.”

“Din hija xi ħaġa inkredibbli,”  jgħid il-Prof, waqt li jurina ritratti ta’ tfal u l-ġenituri fis-social hub.

“Meta tara dan il-ġid kollu, tgħid li allaħares inħallu l-attakki jwaqqfuh,” jisħaq Magro mal-ILLUM. “Qed nara tant stejjer ta’ suċċess.”

Jennifer Xuereb staqsiet, rettorikament; “meta tara dan il-ġid kollu. X’tagħmel? Ma tagħmel xejn għax qed issir il-kritika?”

L-atleti tal-Ispecial Olympics li l-Fondazzjoni tant tgħin
L-atleti tal-Ispecial Olympics li l-Fondazzjoni tant tgħin

L-Alleanza Maltija għall-Mard Rari: kelma bejn tnejn biex tħossok aħjar

U finalment il-Fondazzjoni Marigold hija ‘omm’ l-Alleanza Maltija għall-Mard Rari, li titmexxa għaliha u li kienet ukoll frott l-idea ta’ Michelle Muscat.

Robert Xuereb jispjega kif hawn numru ta’ persuni li jkollhom kundizzjoni li tkun rari ħafna, bil-konsegwenza li ħafna mill-mediċini jiswew ħafna u ħafna flus, xi kultant eluf kbar kull sena. L-Alleanza m’għandhiex biżżejjed riżorsi biex tħallas għall-mediċini, iżda minflok tagħti għajuna ta’ appoġġ morali u psikoloġiku lil dawk li għandhom xi tip ta’ mard rari.

Mal-gazzetta ILLUM Xuereb ifakkar illi apparti din ir-realtà, kiefra għal min m’għandux ir-riżorsi, hemm ir-realtà tal-fatt illi dawn il-persuni ma tantx jistgħu jsibu l-wens u l-appoġġ mingħand persuni madwarhom. Jekk persuna, pereżempju, jkollha z-zokkor jew tumur, għall-inqas tista’ ssib il-wens ta’ xi ħadd li qed jifhem eżatt minn xiex għaddejja. Jekk inti l-unika persuna, jew wieħed minn ftit, li jkollok kundizzjoni hija aktar diffiċli.”

Magro jispjega kif l-alleanza torganizza laqgħat biex jitlaqqgħu flimkien persuni li għandhom mard rari u “taf kemm ikunu qed jistennewhom dawn il-laqgħat – jagħmlulhom il-ġid.”

U l-futur?

U finalment, il-futur ta’ Marigold?

“Inkomplu għaddejjin bil-ħidma, inkomplu noħolqu okkażjonijiet biex niġbru l-fondi u nkomplu nqajmu għarfien,” twieġeb Jennifer.

U jekk titlaq Michelle mill-Marigold x’jiġri?

“Ma nistax nimmaġina li Michelle titlaq mill-Marigold,”  ittemm tgħid.

Għaqdiet mhux Governattivi li jixtiequ jagħmlu kuntatt mal-Fondazzjoni Marigold jistgħu jibagħtu email fuq: info@marigold.org.mt jew info@rarediseasesmalta.com

More in Politika