Woods instab ħati darbtejn bi vjolenza fuq nisa

L-ILLUM tiżvela inċident illi fih Charlene Farrugia nstabet imbenġla fi triq f’Buġibba u żewġ każi illi fihom il-Qorti sabet lil Woods ħati ta’ vjolenza...

Il-gazzetta ILLUM tista’ tivżela kif 11-il sena ilu ftit biss qabel ma ġiet nieqsa Charlene Farrugia, il-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra, kienu ġabruha f’Buġibba wara li kienet qalgħet xebgħa, allegatament mill-eks maħbub tagħha.

Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi Farrugia kienet instabet fi Triq Efesu, fl-istess lokalità mbenġla u bid-demm ukoll. Jirriżulta, qalu s-sorsi lil din il-gazzetta, li Farrugia kellha argument mar-raġel li kienet qed toħroġ miegħu, li mhux darba jew tnejn xellef difrejh mal-liġi, l-aktar dwar serq minħabba problema tad-droga.

Triq Efesu hija l-istess triq fejn hemm l-appartament li kienet tgħix fih Charlene u li fih hu mifhum li sar dan il-qtil barbaru.

Kien dan l-inċident partikolari li wassal lill-Pulizija biex ikollhkom suspett fl-eks maħbub ta’ Farrugia, li iżda sa issa qatt ma rriżulta xejn dwaru.

Dan huwa fatt ġdid f’din il-kobba mħabbla li għad trid tibda tinħall meta u jekk John Paul Charles Woods jitkellem, xi ħaġa li s-sorsi tal-gazzetta ILLUM qalu li mhux qed tiġri.

Is-sorsi fil-Korp tal-Pulizija li tkellmu mal-ILLUM, sostnew illi Farrugia ma riditx tieħu passi u lanqas xtaqet tmur l-Isptar biex tieħu l-kura meħtieġa. Minkejja dan, is-sorsi jispjegaw kif Farrugia ma kellhiex għażla u kellha tmur l-Isptar.

Kuntrarjament għall-artiklu f’gazzetta lokali, ma kienx John Paul Charles Woods li kien interrogat mill-Pulizija 11-il sena ilu, imma l-eks maħbub tat-tfajla.

 “Woods qatt ma deher fix-xena u qatt ma kellna xejn li jwasslna għalih,” qal is-sors.

“Ma tistax tgħid li l-eks maħbub tagħha ma baqax ta’ interess għall-Pulizija tul dan iż-żmien, iżda malli kien arrestat Woods, kollox inbidel għax aħna lil dan lanqas biss konna nafu bih f’din l-istorja,” sostna s-sors tal-gazzetta.

Woods u l-vjolenza fuq nisa

Li hu ċert huwa li Woods għandu track record pjuttost negattiv fejn jirrigwarda vjolenza fuq in-nisa. Fil-fatt nhar it-3 t’Awwissu 2016, hu nstab ħati illi mingħajr ma kellu l-intenzjoni li joqtolha, ikkaġuna ġrieħi gravi fuq Josephine Cassar. Il-Qorti ordnat lil Woods biex ma jersaqx lejn il-vittma filwaqt li ammetta l-akkużi miġjubin kontrih.

L-istess Woods instab ħati li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq Ritienne Cardona nhar it-8 ta’ Ġunju 2017. Għal darb’oħra huwa ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.

Lura fl-2012, il-Qorti kienet sabet lil Woods ħati illi seraq mowbajl u flus għal valur ta’ ftit aktar minn €2,300.

L-aħħar darba li Woods daħal il-Qorti kien ftit ilu meta nstab ħati ta’ serqa ta’ €2,329 mill-ħanut Convenience fil-Gżira. Il-qabda tiegħu mill-Pulizija spiċċat daret fuq filmat li rawh ħafna nies u li xxandar fuq il-bullettini tal-aħbarijiet.

Kienet il-gazzetta ILLUM li reġgħet qajmet il-każ hekk kif f’artiklu nhar il-Ħadd 25 ta’ Novembru 2018 irrappurtat lill-Ispettur Joseph Busuttil mill-Vice Squad fil-Korp tal-Pulizija jgħid illi s-sistema tas-CVA tal-Belt Valletta kienet irreġistrat il-karozza ta’ Farrugia dieħla l-Belt, imma mhux ħierġa. Issa qed jirriżulta illi jista’ jkun li l-karozza dak il-ħin ma kinitx qed tinstaq minn Charlene imma minn persuna oħra li ttrasportat il-katavru mqatta’ biċċiet għal ġo garaxx.

L-eks maħbub ta’ Charlene, bħal Woods, xellef difrejh mal-ġustizzja diversi drabi, l-aktar minħabba l-vizzju tad-droga. Fosthom, fl-2007 il-Qorti sabitu ħati illi seraq mutur mill-Isla fl-1999, li fis-sena 2000 għamel b’Lm500 ħsara fuq mutur u li saq mingħajr liċenzja. F’Novembru 2012, il-Pulizija sabitu ħati (hu ammetta l-ħtija) ta’ serqa ta’ karozza tal-għamla Fiat.

Dakinhar il-Maġistrat Francesco Depasquale kien ordna li jidħol fi programm kontra l-vizzju tad-droga u biex ikompli jingħata l-kura f’Monte Carmeli. Hu kien akkużat ukoll illi kien qabbad bieb ta’ barra ta’ residenza u l-aħħar darba li kellu jerġa’ jidħol il-Qorti kien din is-sena stess, meta l-Qorti laqgħet it-talba għal-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €10,000.

NB – M’aħniex qed nippubblikaw l-isem tal-eks maħbub tal-vittma għaliex minkejja dak li qed nirrapportaw, il-Pulizija għadha qatt ma ressqet ebda akkuża jew ħadet passi kontrih minkejja li għaddew 11-il sena. Kuntrarjament, il-Pulizija arrestat lil Woods wara li dan indika fejn kienu l-fdalijiet tal-katavru ta’ Charlene Farrugia.  

More in Politika