Dispjaċuti li mhux se jkunu jistgħu jonsbu għall-għasafar tal-għana

L-KSU qed tistaqsi jekk l-Stati Membri kollha jissospendux d-derogi tagħhom f’dan iz-żmien ta’ bidla fl-UE

Fi stqarrija Kaċċaturi San Ubertu (KSU) qalu li b’dispjaċir jinnotaw li wara assigurazzjoni, "fuq pariri legali dwar kif il-Gvern jista’ japplika deroga għall-insib tal-għasafar tal-għana f’Ottubru li ġej, issa din id-deroga mhux sejra tkun applikata. Dan għax, skond l-istess sorsi jista' jiġi nterpretat mill-UE li Malta qed tapprofitta ruħha fi żmien ta’ tibdil fil-ġerarkija ta’ l-istess UE."

Min-naħa l-oħra, il-KSU saħqet li, " bi pjaċir tinnota, iżda b' sorpriża, kif il-gvern ma’ sab l’ebda problema din l-istess sena wara insistenza u laqgħat mal-KSU u entitajiet oħra, li jbiddel id-daqs tax-xibka għal insib tal-malvizz minn dak ta’ 45mm għal 34mm kwadru kif ukoll itawwal l-istaġun għal insib tal-pluviera."

Fil-waqt li tifhem il-qsim ta' qalb u torturi tan-nassaba kollha, il-KSU issostni li dak li jemmen fih il-Gvern jekk hu konvint li qed jingħata parir siewja mil-konsulenti tiegħu, għandu jagħmlu mingħajr tlaqliq u bi dritt għaċ-ċittadini tiegħu xejn anqas minn dak ta’ Stati Membri oħra.

L-KSU qed tistaqsi wkoll jekk l-Stati Membri kollha jissospendux d-derogi tagħhom f’dan iz-żmien ta’ bidla fl-UE. Dan għaliex skonthom, "jidher ċar li kollox baqa' miexi bħas-soltu, irrelevanti t-tibdil fl-amministrazzjoni tal-EU u dan anke f’każi fejn l-UE esprimit ruħha kontra."

Fl-aħħar nett il-KSU qalet li, "ma tistax tifem kif id-deroga b’tibdil ghal-insib tal-pluviera u tal-malvizz sejra tiġi applikata izda dik tal-għasafar tal-għana qed tkun posposta. Il-KSU dispjaċuta li għal darba oħra l-gvern kellu jżomm lura b’detriment lit-tradizzjonijiet Maltin ta’ eluf ta’ nassaba ta’ l-għana."

More in Politika