'Iż-żieda fil-prezz tal-fjuwil hi wiegħda oħra li dan il-Gvern qed jikser' jgħid il-PN

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq illi ż-żieda fil-ħalib hi daqqa oħra fil-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista saħaq illi ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil hi wiegħda oħra li l-Gvern qiegħed jikser. "Għal darb'oħra dan il-piż se jkollhom iġorruh il-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin. Meta l-prezz tad-diesel fl-2011 kien €1.28, l-prezz ta' barmil żejt kien $103.01 u llum għall-istess prezz tad-diesel li se jħallas l-poplu malti €1.28, il-prezz ta' barmil żejt huwa $65.31. Iż-żieda fil-prezz tal-fuel se tkompli tagħsar lill-ħaddiema li minbarra li se jħallsu iktar għall-fuel, qed jaħlu iżjed ħin imwaħħlin fit-traffiku," qalet l-istqarrija.

Żied jgħid illi fl-istess ġranet taż-żiedet fil-fjuwils il-familji Maltin raw ukoll żidiet fil-prodotti oħra essenzjali fosthom il-ħalib. 

"Żieda ta' 10 u 11-il ċenteżmu rispettivament il-kartuna, b'effett minn din il-ġimgħa stess li hija daqqa oħra fil-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin, speċjalment dawk bi dħul baxx u medju. Dawn iż-żidiet qed isiru minkejja l-ftaħir tal-Gvern li fil-budget mhux qed iżid il-piż fuq il-familji u n-negozji," saħaq il-PN.

"Dawn iż-żidiet jistonaw mal-ftaħir tal-Gvern li jgħid li l-ekonomija qed tikber. Il-ġustizzja soċjali titlob li l-ġid jasal għand kulħadd u mhux il-ħaddiema u l-familji qed ikollhom iġorru huma l-piżijiet, tort ta' Gvern li tilef kull sens ta ġustizzja soċjali," qalet l-istqarrija.

Downloadable Files

More in Politika