'Hemm bżonn regoli dwar id-daqs tal-kmamar u l-għadd ta' inkwilini f'post mikri'

Il-Kamra tal-Kummerċ tisħaq li l-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali huwa pass fid-direzzjoni t-tajba iżda tinsisti li qed iħalli affarijiet barra

Il-Kamra tal-Kummerċ, fir-reazzjoni tagħha dwar l-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali, saħqet li l-abbozz ta’ liġi huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda insistiet li għad hemm ħafna xi jsir biex tkun indirizzata dik li sejħitilha bħala l-kriżi tal-kera.

Fost oħrajn, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, David Xuereb, saħaq li fl-abbozz għandu jkun hemm regolarizzazzjoni dettaljata dwar id-daqs tal-kmamar u anke dwar l-għadd ta’ inkwilini li jkunu jistgħu jgħixu f’residenza.

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tinsisti wkoll li l-abbozz ifalli milli jipprovdi assigurazzjoni ta’ akkomodazzjoni adegwata u affordabbli għar-residenti.

Fost oħrajn, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ rrefera għal klawżola fl-abbozz li jagħti s-saħħa liċ-Ċerpersin tal-Awtorita tad-Djar, jew inkella kwalunkwe persuna awtorizzata minnu, biex jidħol fi kwalunkw residenza privata u jieħu r-ritratti li jrid.

Filwaqt li saħaq li dan jista’ jkun żball ġenwin, appella biex din il-klawżola tkun miktuba u ppreżentata mill-ġdid biex ikun assigurat li ma jkun hemm l-ebda lok għal ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Xuereb saħaq ukoll li l-impożizzjoni ta’ żieda fil-prezz tal-kera ta’ mhux aktar minn 5% fis-sena, l-abbozz ifalli milli jipprovdi miżuri li jindirizzaw ir-rata tal-kera bejn il-prezz ta’ issa u d-data meta l-kuntratti jridu jkunu rreġistrati.

“Napprezzaw il-fatt li l-Att jindirizza l-kera fit-tul u l-kera short-term, iżda mhux qed naraw l-ebda politika li tindirizza l-kirjiet ta’ bejn sitt xhur u tnax-il xahar,” kompla Xuereb.

Temm jisħaq li filwaqt li l-liġi kif proposta hija pass fid-direzzjoni t-tajba, skont il-Kamra tal-Kummerċ din mhux qed tindirizza l-problemi reali.

More in Politika