Il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar ixammar il-kmiem biex tiżdied l-indafa fil-lokal

Il-Kunsill Lokali ppubblika lista ta' miżuri li ttieħdu u li se jkunu qed jittieħdu fiż-żmien li ġej

Il-kwistjoni tal-iskart u ż-żibel f’San Pawl il-Baħar, ilha teżisti diversi snin. Il-gazzetta ILLUM kitbet dwarha diversi drabi u ftit li xejn sar progress.

Il-Kunsill Lokali l-ġdid ta’ San Pawl il-Baħar nieda sett ta’ seba’ miżuri li, fi kliemu, taw riżultati sinifikanti

“Dan seħħ fl-istess perjodu meta bosta eluf ta’ ċittadini Maltin bdew iqattgħu l-btajjel tas-sajf tagħhom fil-lokalità tagħna,” saħaq il-Kunsill, anke jekk insista li fadal ħafna aktar xi jsir.

Il-Kunsill Lokali ppubblika lista ta’ dawk il-miżuri li ttieħdu, oħrajn li għad irridu jittieħdu u miżuri li jistgħu jservu ta’ linji gwida.

Azzjonijiet li diġà qed jittieħdu:

  • Il-ġbir tal-ħġieġ beda jsir darbtejn fix-xahar, fl-1 u t-3 Ġimgħa tax-xahar.
  • Il-kuntrattur tar-riċiklaġġ beda jiġbor il-boroż ta’ riċiklaġġ kollha, inklużi dawk iġġenerati mill-istabbilimenti tal-ikel kull nhar ta’ Tlieta u Ġimgħa.
  • Iż-żoni ta’ madwar il-kontenituri tal-iskart fuq ir-roti bdew jitnaddfu kuljum.
  • 8 ta’ Lulju 2019 — Beda proġett pilota ta’ sitt xhur għall-ġbir tal-kaxxi tal-kartun minn ħwienet kummerċjali b’kollaborazzjoni mal-Green MT, il-ġbir isir nhar ta’ Tnejn u Ħamis.
  • Beda ġbir addizzjonali ta’ skart u tindif b’kollaborazzjoni mas-CMD.
  • Il-Kunsill beda jkun aktar viġilanti ma’ fornituri tas-servizzi li ma jaderixxux ma’ kuntratti ffirmati.
  • Ġew skjerati Uffiċjali Komunitarji speċifikament biex jindirizzaw ir-reati tar-rimi taż-żibel.

 Azzjonijiet li għandhom jibdew b’effett immedjat:

  • Jitwaħħlu sinjali miktuba b’diversi lingwi f’żoni meqjusa hot spots li jagħtu informazzjoni dwar reati ta’ skart.
  • L-istabbilimenti tal-ikel ikunu meħtieġa li jkollhom kontenituri tal-iskart li jinżammu fi proprjetà privata.
  • Il-ħwienet kollha jkunu meħtieġa li jkollhom kontenitur tal-iskart biex jintuża mill-klijenti. Dawk li jbiegħu l-ikel u x-xorb huma meħtieġa wkoll li jipprovdu kontenitur għas-sigaretti.
  • Tiġi infurzata l-liġi dwar l-obbligu ta’ kuntrattur privat għal stabbilimenti tal-ikel.
  • Jiġu indirizzati l-problemi li jinħolqu minn karti ta’ reklamar li jitqassmu fil-Kaxxa Postali.
  • Jiżdiedu l-għadd ta’ kontenituri tal-iskart madwar il-lokalità, fejn possibbli.
  • Il-Kunsill se jikkummissjona stħarriġ biex jidentifika proprjetajiet li għandhom spazju adegwat fejn jitqiegħdu kontenituri tal-iskart. Barra minn hekk, il-Kunsill jara x’inhuma l-possibiltajiet sabiex jgħin fix-xiri ta’ dawn il- kontenituri tal-iskart.
  • Jiżdiedu drastikament il-ħinijiet u l-għadd ta’ Uffiċjali Komunitarji.
  • Issir Kampanja ta’ Sensibilizzazzjoni dwar il-Ġimgħa tar-Riċiklaġġ.
  • Jiżdiedu n-numru ta’ kontenituri tal-iskart fuq ir-roti.

Il-kunsill Lokal ħabbar ukoll li Permezz ta’ ftehim li ntlaħaq bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, iż-żona ta’ San Pawl se tibda tibbenefika, b’mod immedjat, mis-servizzi li ġejjin.

  • Servizz ta’ uffiċjal li jikkoordina x-xogħlijiet marbuta ma’ kwistjonijiet ta’ tindif.
  • Servizz ta’ knis tat-toroq, bil-forza tax-xogħol attwali tittrippla.
  • Servizz ta’ qtugħ tal-ħaxix fuq skeda ta’ żmien.
  • Servizz ta’ kull ġimgħa ta’ ħasil tat-toilets s pubbliċi bil-power wash.
  • Forniment ta’ servizz ta’ emerġenza għal skart goff.
  • Uffiċjali tal-Infurzar sabiex jikkomplementaw il-forza attwali.
  • Il-provvediment ta’ servizz minn bosta Persunal tal-FTZD li se jgħinu lill-kunsill fit-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni ta’ kuljum.

Apparti minn hekk, il-Kunsill beda pjan ta’ azzjoni għal żmien medju u fit-tul li jinkludi dawn il-proposti:

  • Jerġgħu jiġu introdotti r-recycling domes li jkunu mmonitorjati minn CCTVs.
  • Il-Kunsill jidentifika siti madwar il-lokalità fejn jiġu installati kontenituri tal-iskart taħt l-art, għaldaqstant, ir-residenti tat-toroq tal-madwar ikunu obbligati li jarmu l-iskart tagħhom f’dawn is-siti. Dan se jnaqqas l-izgombru fuq il-bankini, inaqqas l-ispejjeż tal-Kunsill kif ukoll l-emissjonijiet tas-CO2.
  • Il-kollettur tal-iskart ikun obbligat li jinstalla CCTVs li joperaw bil-Wi-Fi fuq wara ta’ kull vettura sabiex jipprovdi stampa preċiża ta’ dak li tħalla f’kull triq.
  • Il-Kunsill jistabbilixxi skemi ġodda biex jgħin fiż-żamma tat-tindif tal-lokalità.
  • Il-Kunsill se jibda proġett ambizzjuż tal-installazzjoni ta’ diversi CCTVs madwar il-lokalità sabiex jimmonitorja ż-żoni 24/7 u jżid l-infurzar fl-aspetti kollha, soġġett għall-approvazzjoni tal-Liġijiet dwar ir-Regolament tad-Data. Il-proġett kapitali huwa stmat li se jkun jiswa madwar €200,000.

More in Politika