'Il-proġett central link huwa wieħed favur l-ambjent' - Ian Borg

Dwar il-metro, il-Ministru jisħaq li l-Gvern qiegħed jistudja din il-possibbilità

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg, baqa’ jisħaq li mill-proġett kontroversjali tas-Central Link, se jkun qiegħed igawdi l-ambjent.

L-approvazzjoni tal-proġett qajjem rabja fost ħafna li qed jisħqu li l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi qed jiġu l-ewwel dawk ambjentali, b’madwar 1,000 persuna lbieraħ marru jipprotestaw is-Saqqjja.

Dan il-proġett se jkun qed iwessa’ t-toroq mir-roundabout tas-Saqqajja sal-bypass tal-Imrieħel.

Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, wara konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Borg saħaq li l-bżonn ta’ bypass f’Ħ’Attard kienet ilha bżonnjuża u ppjanata diversi snin, tant li kienet inkluża fil-pjani lokali tal-2006.

“Kien hemm bżonn u għad hemm bżonn li dan il-proġett ikun implimentat,” insista l-Ministru.

Huwa saħaq li jirrispetta l-opinjoni ta’ dawk li niżlu jipprotestaw iżda saħaq li dan huwa proġett favur l-ambjent.

Insista li l-Gvern qiegħed iwiegħed li jiġu mħawwla diversi siġar biex ikun qiegħed ipatti għal dawk is-siġar li se jkunu qed jinqalgħu.

Wieħed mill-kartelluni waqt il-protesta tal-bieraħ
Wieħed mill-kartelluni waqt il-protesta tal-bieraħ

Qal li l-kuntrattur se jkun obbligat li jsaqqi dawn is-siġar għal ħames snin.

“Dan il-proġett, meta jkun lest se jfisser inqas emissjonijiet, partikolarment fil-qalba tal-irħula,” insista l-Ministru. “Illum għandek sitwazzjoni fejn 3,000 karozza jgħaddu kuljum minn Ħal Balzan, Ħal-Lija u Ħ’Attard.”

Filwaqt li insista li l-Gvern qed jisma lil dawk li qed jopponu dan il-proġett, saħaq li hemm oħrajn li jriduh u ilhom snin jistennewh.

Mistoqsi jekk il-Gvern hux lest jikkunsidra alternattivi, il-Ministru saħaq li mhu se jkun hemm l-ebda diskussjoni fuq il-bżonn tal-proġett.

Il-metro se ssir?

Dwar trasport tal-massa u l-proposta tal-Oppożizzjoni, Borg saħaq li hemm bżonn soluzzjonijiet illum mhux 25 sena oħra.

Fakkar li l-Gvern qiegħed jinvesti fuq modi alternattivi ta’ trasport, fosthom bil-baħar u li se jkun qed hemm investiment akbar fis-sistema tat-trasport pubbliku.

“Naħseb kollha nixtiequ li twelidna f’pajjiż fejn dawk li ġew qabilna investew f’sistema ta’ trasport tal-massa, fejn tista’ timxi sal-pjazza tar-raħal, taqbad metro u tieqaf il-Belt. Iżda ħadd ma ppjana għal din,” saħaq il-Ministru. “Qed nistudjawha, iżda ma nistax niġi u nippreżenta proposta sempliċiment għax xi ħadd pinġa xi ħaġa u qal li tista’ ssir.

More in Politika