Il-PD b'appell biex il-baġit li jmiss jindirizza l-bidla fil-klima

Il-Partit Demokratiku appella lill-gvern biex iniedi inċentivi fil-baġit biex iħajru l-użu ta’ vetturi li ma jniġġsux

"Pajjiżi żgħar huma l-aktar vulnerabbli. Effetti potenzjalment katastrofiċi fuq il-biodiversità u l-ħajja umana żgur li jaffettwawna drastikament. L-insensittività tal-gvern titkellem waħedha. Għalxejn ngħajtu u l-gvern ma jiħux azzjoni pożittiva." Hekk sostna d-Deputat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia.

Huwa qal illi Malta għandha bżonn taddotta teknoloġiji ta’ emissjonijiet baxxi, infrastruttura ekoloġika, produzzjoni ta’ enerġija nadifa, u tnaqqis fl-emissjonijiet industrijali u tat-trasport. 

“Is-sistema ta’ fuq l-art tagħna qed toħnoqna. Il-Gvern qed jgħid li s-soluzzjoni tinsab f’toroq aktar wiesa’ meta b’daqshekk kull ma qed nagħmlu hu dak li min jifhem isejjaħlu ‘induced demand’ għal aktar vetturi fuq it-toroq tagħna,” stqarr Timothy Alden. “Dawn il-miżuri short-term se jaffettwaw ħażin il-benessri tal-ġenerazzjoni tiegħi, aktar u aktar ġaladarba ma teżistix sistema ta’ transport tal-massa aċċessibbli u affidabbli,” kompla jgħid.

Il-Partit Demokratiku appella lill-gvern biex iniedi inċentivi fil-baġit biex iħajru l-użu ta’ vetturi li ma jniġġsux. "Irridu ninkoraġġixxu t-tpartit ta’ karozzi li jużaw petrol u diesel għal karozzi li jużaw l-elettriku u għandha tiġi studjata l-possibiltà li karozzi li jużaw diesel u petrol jiġu konvertiti għal LPG fuel."

“Jekk l-LPG nadif biżżejjed għall-power station, mela l-LPG għandu jkun nadif biżżejjed għat-toroq tagħna. Pajjiżi oħra qed jippruvawha. Għaliex m’għandniex pompi tal-LPG?” 

More in Politika