'Delia ma jista' qatt isir Prim Ministru u għalhekk il-Laburisti jriduh jibqa''

L-aħħar appelli mingħand dawk li ma jridux lil Delia jibqa' Kap tal-Partit Nazzjonalista. Jgħidu li l-PN sar 'qisu klabb tal-futbol bil-marmalja b'kollox' 

Mark Anthony Sammut flimkien ma' erba' persuni oħra bl-aħħar appelli
Mark Anthony Sammut flimkien ma' erba' persuni oħra bl-aħħar appelli

"Delia ma jista' qatt isir Prim Ministru, għax huwa 'unelectable'. Din tant hija ovvja li l-Partit Laburista u l-ħbieb tiegħu jiddefenduh b'mod miftuħ. Ma jagħmlux hekk għax iħobbuh imma għax jafu li bih bħala Kap, se jibqgħu fil-Gvern." Hekk sostna Mark Anthony Sammut,eks President tal-Eżekuttiv tal-PN, flimkien ma' Ivan Bartolo, Martin Musumeci, Emvin Bartolo u Emma Portelli Bonnici f'artiklu fuq The Times."

Huma jgħidu li anke dawk li appoġġjaw lil Delia b'mod assidwu jafu illi f'dawn is-sentejn il-partit tilef id-direzzjoni, filwaqt li "għexieren ta' eluf ta' partitarji m'għadhomx jidentifikaw lilhom infushom mal-partit ... irridu nammettu li qed jitilqu mill-partit, mhux għax għandhom partit ieħor ma' min imorru imma għax m'hemm xejn li qed iżommhom fil-partit."

Huma qalu illi jekk il-Kunsilliera ma jiħdux l-opportunità li qed toffrilhom l-istorja, "il-partit jiffaċċja katastrofi akbar elettorali ... li tista' tagħti lill-Partit Laburista ż-żewġ terzi fil-Parlament, li tagħti lil dan il-gvern korrott il-libertà li jbiddel il-Kostituzzjoni u jbiddel id-demokrazija tagħna f'stat b'partit wieħed," insistew. 

Huma akkużaw lil Delia li adotta t-tattika ta' 'ifred u saltan' li, skonthom, ħolqot diversi qasmiet. 

Komplew jgħidu illi raw persuni qrib Delia jsegwu Deputati u xebbhu lill-partit bħala klabb tal-futbol "bil-marmalja b'kollox."   

"Għandna bżonn kap li jgħaqqad u li jpoġġina lura fit-triq... li jbiddel lill-partit f'magna elettorali formidabbli," sostnew. 

Filwaqt li appellaw li jkun maħtur Kap Interim , appellaw lill-Kunsilliera biex ikunu leali lejn il-pajjiż u l-partit l-ewwel u qabel kollox.

More in Politika