'In-nuqqas ta' siġar jaffettwa negattiv il-benessri tas-soċjetà' - Psikologi u ħaddiema soċjali

Żewġ assoċjazzjonijiet jingħaqdu biex jisħqu li s-siġar u l-ispazji miftuħa għandhom impatt dirett fuq is-saħħa mentali tal-persuni

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Ħaddiema Soċjali u anke l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-Psikologi, ħarġu stqarrija konġunta li fiha saħqu dwar l-importanza tas-siġar għall-benessri tas-saħħa mentali u s-saħħa inġenerali tal-bniedem.

L-istqarrija tisħaq li s-siġar ma joffrux biss kenn mis-sħana jew inkella jassorbu biss l-arja l-ħażina, iżda, skont studji, dawk li jgħixu f’postijiet fejn hemm ħafna siġar, natura u spazji miftuħa jbatu minn inqas stress, ansjetà u saħansitra, f’dawn l-inħawi, ir-rata tad-dipressjoni u l-problemi ta’ saħħa mentali hija inqas.

Fakkru wkoll li l-ispazji miftuħa, joffru ambjent adegwat fejn persuna tkun tista’ tagħmel l-eżerċizzju jew inkella toħroġ u tiltaqa’ mal-familja u l-ħbieb. Dan kollu, ikomplu jisħqu l-ħaddiema soċjali u l-psikologi, jgħin għall-benessri tal-persuna, għas-saħħa mentali tagħha filwaqt li jnaqqas ukoll is-solitudni.

“Ma għandnix nitfgħu fil-ġenb is-saħħa li n-natura għandha fuq l-istat mentali u l-benessri tas-soċjetà,” tkompli tisħaq l-istqarrija.

Kien għalhekk li ż-żewġ assoċjazzjonijiet insistew li t-tnaqqis tas-siġar u l-ispazji miftuħa għandu effett negattiv fuq is-saħħa u l-benessri tas-soċjetà.

Temmew jisħqu li d-diskussjoni ma għandhiex tkun waħda ambjentali u daqshekk, iżda d-dibattitu għandu jinkludi wkoll is-saħħa pubblika inġenerali. 

More in Politika