'Għażilna lil Helena mhux għax mara imma għax kompetenti' - Muscat

Edward Zammit Lewis jieħu l-ġurament ta' Ministru tal-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza

L-eks Ministru Helena Dalli mal-PM Joseph Muscat
L-eks Ministru Helena Dalli mal-PM Joseph Muscat

Il-Prim Ministru awgura lil Helena Dalli u rrimarka illi din hija l-ewwel mara li kienet nominata mill-Gvern Malti f'din il-pożizzjoni. "M'għażilnihiex għax mara imma għax hija kompetenti u għax se tgħin fl-iskop ta' Von Der Leyen għal bilanċ tal-ġeneru fil-Kummissjoni." Ursula Von Der Leyen se tkun il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea u saħqet illi fil-Kummissjoni li se tmexxi trid li jkun hemm bilanċ bejn is-sessi.

Muscat qal illi jittama li l-forzi politiċi kollha jingħaqdu flimkien wara n-nomina tal-Gvern. 

Dwar Edward Zammit Lewis u l-ħatra tiegħu fil-portafoll ta' Dalli, Muscat fakkar li bil-ħatra ta' Zammit Lewis "qed nuru li l-ugwaljanza mhix xi ħaġa tan-nisa biss, imma xi ħaġa tal-irġiel ukoll."

Kienet il-gazzetta ILLUM l-ewwel li żvelat f'Diċembru li għadda li l-Gvern kien qed jikkunsidra lil Dalli għal din il-pożizzjoni, xi ħaġa li din il-gazzetta reġgħet ikkonfermat f'Ġunju li għadda. L-għażliet tal-Gvern kienu li jew iżomm lil Vella f'postu u ma jagħmilx tibdiliet jew inkella lli jinnomina lil Dalli, kif fil-fatt ġara, jew inkella (għalkemm din dejjem kienet għażla remota) li Muscat jaħtar lilu nnifsu Kummissarju. 

More in Politika