Jixhed immigrant li ħelisha ħafif meta nqatel Lassana Cisse

Tkompli l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra ż-żewġ suldati akkużati bil-qtil ta' Lassana Cisse Souleymane, f’April li għadda

Dalgħodu, fil-Qorti qed tkompli l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Francesco Fenech u Lorin Scicluna, akkużati bil-qtil tal-immigrant Lassana Cisse Souleymane, f’April li għadda.

Iż-żewġ akkużati, membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-każ ta’ Lassana Cisse Souleymane kien waqqaf pajjiż, anke għax dan qed ikun meqjus bħala l-ewwel qtil razzist f’Malta.

Fost oħrajn, illum qed jixhed Mohammed Jallow, wieħed mill-immigranti li ħelisha ħafif wara li ntlaqgħet mit-tiri, allegatament sparati minn Fenech u Scicluna.

L-immigrant spjega kif dakinhar li seħħ il-każ, mar jara logħba futbol ma' ħabib tiegħu ġo ħanut Birżebbuġa.

Spjega kif meta kienu sejrin lura Ħal Far, għaddew minn triq sekondarja u semgħu bħal ħsejjes ta' tfaqqigħ.

Ftit wara raw dawl u semgħu żewġ tiri. Mistoqsi, jekk jafx kemm kien hemm persuni fil-karozza, Jallow qal li ra biss dawl u ma jistax jgħid kemm kien hemm persuni fil-karozza.

L-immigrant ma jiftakarx li kien diġà xehed taħt ġurament fl-isptar

Intant, l-Avukat Arthur Azzopardi u anke l-Maġistrat fakkru lix-xhud li hu kien xehed taħt ġurament meta kien rikoverat għal ħmistax sħaħ fl-isptar.

Madanakollu, l-immigrant baqa’ jinsisti li hu ma jiftakarx dan u lanqas ma għaraf lill-Ispettur Chief Arnaud u lill-Maġistrat Montebello.

Mistoqsi mill-Maġistrat jekk hux qed jibża’ minn xi ħadd, jew inkella jbatix bil-memorja, ix-xhud wieġeb fin-negattiv.

Lassana Cisse Souleyman
Lassana Cisse Souleyman

L-immigrant jispjega kif għad għandu problemi ta' saħħa minħabba t-tiri

Il-Prosekuzzjoni kompliet tistaqsi lill-immigrant dwar il-feriti li ġarrab.

Huwa spjega li ntlaqat b’tiri fil-marrani, bil-bullet tibqa’ ħierġa min-naħa l-oħra.

“Kelli u għad għandi problemi biex nagħmel il-bżonnijiet tiegħi,” saħaq limmiigrant.

Huwa qal fil-Qorti kif kien hemm differenza żgħira ħafna bejn iż-żewġ tiri. Fakkar li hu u sieħbu Ibrhaim Bah, li kien ta x-xhieda tiegħu fi smigħ ieħor, kienu miexja ħdejn xulxin.

Il-karozza għaddiet minn karreġġjata ħażina biex tkun viċin l-immigranti

Jallow kompla jispjega kif il-karozza minn fejn ġew sparati t-tiri kienet sejra fid-direzzjoni ta’ Birżebbuġa, jiġifieri fid-direzzjoni opposta.

L-immigrant spjega kif il-karozza suppost kellha tgħaddi minn karreġġjata differenti, iżda minflok qal li għaddiet mill-karreġġjata l-aktar viċin tiegħu u ta’ sieħbu.

Mistoqsi jekk jiftakarx x’ġara wara, l-immigrant wieġeb li ma jiftakar xejn aktar.

L-immigrant ma jagħraf lil ħadd fl-awla

Wara dan, l-immigrant kien mistoqsi jekk jagħrafx lil xi ħadd fl-awla.

Huwa ħares madwaru iżda wieġeb ‘le le.’

Fenech ma kellu l-ebda arma rreġistrata f'ismu

Spettur tal-Pulizija xehed ukoll dwar ir-riċerka li wettqet dwar l-armi li nstabu fil-pussess taż-żewġ akkużati.

Spjegat kif Scicluna kien irreġistrat fuq is-sistema tal-Pulizija u kien iħallas il-liċenzja.

Minkejja dan, kompliet tixhed l-Ispettur, isem Fenech ma jidhirx fuq is-sistema tal-Pulizija, jiġifieri ma kellu l-ebda arma rreġistrata f'ismnu.

Espert se jqabbel il-bullets mal-arma li nstabet għand Lorin Scicluna

Il-prosekuzzjoni talbet ukoll lill-Qorti biex taħtar espert biex jeżamina l-bullets u l-munizzjon misjub fuq ix-xena tad-delitt u jqabbilhom ma' dawk li tneħħew minn fuq ġidem Lassana Cisse.

L-istess espert jeżamina wkoll l-arma li nstabet fil-pussess ta' Lorin Scicluna 

Nadia Attard, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali infurmat lill-Qorti li dan l-espert irid jinġieb mill-Istitut Forensiku Irlandiż għax f'Malta ma hawnx espert simili.

Il-każ ikompli fid-29 ta' Awwissu.

More in Politika